“Għal jiem sħaħ kont moribond u fil-periklu li nitlef ħajti”

It-tabib Ferriggi jirrakonta l-battalja tiegħu mal-Covid-19 li wasslu għal 70% ċans li jmut

Miktub minn CARMEN CACHIA

L-aħbar li ħabib u kollega ikun f’xifer il-mewt kawża tal-Covid-19 meta mill-bidu tal-pandemija din l-istess persuna ħadmet bla heda kemm mal-pazjenti bħala tabib, kif ukoll fil-midja soċjali u miegħi fuq il-ġurnal, tixxokjak sew. It-tabib tant maħbub mir-Rabat, Joseph Ferriggi, kellu 70% ċans li jitlef ħajtu minħabba l-Coronavirus. F’intervista esklussiva ma’ inewsmalta jirrakkontalna kif kellu jieħu d-deċiżjoni diffiċli li jagħmlulu l-ventilator, esperjenza xejn feliċi. Minn stat ta’ moribond b’alluċinazzjonijiet għal mumenti li fihom kien daqsxejn konxju imma immobbli, seta’ jara ftit dak li kien qiegħed jiġri madwaru u jisħaq li l-fejqan tiegħu kien wieħed mirakoluż meqjus bħala storja ta’ suċċess.

It-tabib tal-qalb tad-deheb u professjonista kbir fil-qasam tas-saħħa daħal fl-isptar Mater Dei nhar it-Tlieta 20 ta’ Ottubru u ħareġ nhar il-Ħamis 19 ta’ Novembru 2020, kważi xahar wara. “Kienet deċiżjoni tiegħi li nsejjaħ l-ambulanza. Il-ġurnata ta’ qabel ħassejtni għajjien u mhux f’sikti tant li għamilt messaġġ fuq il-midja soċjali għall-pazjenti tiegħi li jien indispost. L-istess għamilt it-Tlieta, imma f’xil-11 ta’ filgħodu ħassejtni bla saħħa sew u kelli daqsxejn in-nifs fil-fond. Kien hemm li ddeċidejt li mmur l-isptar. 

Għadu inviżibbli

Ferriggi qalilna li ħafna minn dawk qrib tiegħu skantaw għax huwa kien wieħed milli tkellem fuq il-midja biex kulħadd jieħu l-prekawzjonijiet meħtiega, imma jfakkar ukoll li kien jgħid kemm-il darba li qegħdin niġġieldu għadu inviżibbli li kif tagħtih iċ-ċans, jattakka. 

Waqt il-viżti fil-klinika tiegħu dan it-tabib dejjem uża l-ilbies protettiv (PPE gear) u anke kien ikun bil-maskra u l-visor. Hawnhekk huwa reġa’ saħaq li, “imma kif għidt, dan virus huwa opportuntist u faċli li f’ħakka t’għajn, bl-inqas nuqqas, jirnexxielu jidħol fik”. 

Dakinhar li Dr Ferriggi ddaħħal l-isptar, mill-ewwel bdew isirulu t-testijiet li kienu jinkludu chest X ray. “L-affarijiet ma dehru sbieħ xejn, tant li l-Covid-19 kien affettwali sew il-biċċa l-kbira taż-żewġ pulmuni bil-konsegwenza li tbaxxieli ħafna l-livell tal-ossiġnu fid-demm. B’din is-sitwazzjoni, iddaħħalt mill-ewwel fl-ITU,” spjega t-tabib.  

Deċiżjoni iebsa

L-eks pazjent bil-Covid-19 qal li għall-grazzja t’Alla, f’dan il-ħin kollu ħassu kalm u seren. Dr Ferriggi ħassu verament li qiegħed f’idejn nies professjonali u fi sptar li joffri kura mill-aqwa. “Ftit siegħat wara kellimni wieħed mill-ispeċjalisti li kien qiegħed jikkurani fl-ITU u qalli li kien qiegħed jikkonsidra li, kif għadni f’saħħti, ipoġġini mill-ewwel fuq ventilator ħalli nkun nista’ niġġieldilha aħjar. Din it-tip ta’ deċiżjoni mhix waħda faċli, għax tkun għadek tħossok f’saħħtek u taf anke bil-kumplikazzjonijiet tal-istess ventilator. Taf ukoll li se tkun mitluf minn sensiek u meta tiġi lura ma tafx,” kompla Dr Ferriggi. 

Huwa qal li bl-akbar serenità u bl-għajnuna dejjem tal-Grazzja t’Alla, ħa d-deċiżjoni li jimxi mal-parir tal-ispeċjalista u jmur fuq ventilator. Wara dan il-pass, it-tabib qatta’ mas-17-il ġurnata fil-Covid ITU bil-problemi kollha li setgħu jinqalgħu. Jistqarr li dan, għalih, ma kienx żmien feliċi. 

Fi ftit kliem qalilna li bis-sedativi li jagħtuk ġieli jkollok alluċinazzjonijiet li għalkemm m’humiex veri, int tkun qiegħed tgħixhom realment. “Esperjenza xejn sabiħa. Kultant inaqsulek is-sedativi u tiġi ftit konxju. Hawnhekk, tibda tara d-dinja ta’ madwarek. Ma tkun qiegħed tifhem xejn u ma tistax tiċċaqlaq. Għal jiem sħaħ kont moribond u fil-periklu li nitlef ħajti. Kelli 70% ċans li mmut,” irrakkonta Dr Ferriggi. 

Mistoqsi x’inhi eżattament il-proċedura tal-ventilator, qalilna li, “jintubawk, jiġifieri jdaħħlulek pajp ġol-pajp tan-nifs u jqabduh ma’ ventilator. Inti ma tħoss xejn għax jagħtuk il-oppju qabel, bħalma jingħata meta tkun se ssir operazzjoni. Jiġifieri ma tkunx f’sensik”. 

Storja ta’ suċċess b’fejqan mirakoluż

“Mirakolużament, qlibt għall-aħjar. Bqajt ġej ‘il quddiem sakemm it-tobba rawni tajjeb u neħħewni minn fuq il-ventilator. Eventwalment ħarġuni mill-Covid ITU u ġejt trasferit fl-IDU fejn qattajt il-kumplament taħt osservazzjoni sakemm fl-aħħar ġejt discharged mill-isptar. Dan kien nhar il-Ħamis, 19 ta’ Ottubru,” kompla t-tabib Rabti. 

It-tobba u l-ispeċjalisti li kkuraw lil Dr Ferriggi jqisu l-każ tiegħu bħala storja ta’ suċċess kbir u huwa jemmen li kellu fejqan mirakoluż u li Alla nqeda bl-għerf tat-tobba u l-ispeċjalisti, kif ukoll bl-isptar attrezzat li għandna. 

L-eks pazjent tal-Coronavirus tenna li, “qaluli li kelli ħafna talb minn ħafna nies. It-talb wasal. Għalkemm ħriġt mill-isptar kważi tliet ġimgħat ilu u kuljum  nagħmel pass ‘il quddiem fl-irkupru, għadni nħossni għajjien”.  

Waqt li kien l-isptar Dr Ferriggi tilef ħafna piż u dan it-telf affetwalu l-muskoli tant li kellu problema biex jimxi. Fil-fatt, huwa ħareġ mill-isptar juża l-walking frame support imma issa qiegħed jirnexxielu jimxi waħdu u jħossu li qiegħed jirkupra.

Mistoqsi x’ħa jew tgħallem minn din l-esperjenza huwa rrisponda li, “minn din l-esperjenza personali mhux tgħallimt, imma kkonfermajt dak li rajt tant pazjenti jgħaddu minnhu – kulħadd huwa l-istess taħt sema waħda u f’baħar wieħed u li quddiem il-mard aħna l-istess. Huwa importanti li jkollok relazzjoni tajba m’Alla billi fejn tista’, tgħin lill-proxxmu fil-bżonn”. 

Huwa qal li llum il-ġurnata jista’ jikkonferma dak li qal Kristu – dak li tagħmel mal-proxxmu tiegħek, Alla jpattiehulek għal 100 darba. It-tabib sostna li, “dan għextu jien issa. Trid tgħix il-ħajja kemm jista’ jkun mingħajr regħba u għira biex tgħix kuntent. Dan minħabba li f’mument, tista’ tiġi wiċċ imb’wiċċ mal-Ħallieq tiegħek”. 

“Nagħmlu ftit sagrifiċċji oħra…”

Dr Ferriggi qalilna li bħalissa l-awtoritajiet tas-saħħa huma inkwetati u dan, bir-raġun. L-awtoritajiet imħassba minħabba li fil-perjodu tal-festi jidher li hemm ħafna nies li m’humiex lesti jagħmlu sagrifiċċju u jimxu mal-miżuri. L-inkwiet huwa li bit-taħlit li se jkun hawn, se jiżdied in-numru ta’ infezzjonijiet tal-virus, ikun hemm aktar nies li jiddaħħlu l-isptar u anke aktar imwiet. 

Għal dan il-għan, kemm bħala persuna li għadda minn esperjenza personali bħala pazjent, kif ukoll bħala professjonist fil-qasam tas-saħħa, il-parir tiegħu huwa li f’dan iż-żmien għandna nibqgħu nżommu l-iġjene, nużaw il-maskra u nżommu d-distanza. 

“Importanti li nagħmlu ftit sagrifiċċju ieħor sakemm fi ftit ġimgħat oħra tiġi t-tilqima. Issa, meta tiġi t-tilqima, jien se neħodha biex nevita kemm nista’ li nerġa’ nieħu l-Covid-19 u aktar minn hekk minħabba li jien frontliner,” temm Dr Ferriggi.

Share With: