Għalliema tas-sewqan mhux ħatja li serqet lista ta’ studenti

Mara li tgħallem is-sewqan tal-karozzi ma nstabitx ħatja li serqet id-dettalji tal-klijenti lill-kumpanija li magħha kienet impjegata qabel fetħet għal rasha.

Lorraine Ferriggi kienet mixlija li fis-17 ta’ Awwissu 2017, u fil-jiem ta’ qabel, użat informazzjoni minn fuq apparat elettroniku bi ksur tal-liġi.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu meta Mohammed Amri, sid il-Fast Track Logistics Company Limited, għamel rapport mal-Pulizija li Ferriggi ikkupjat informazzjoni mis-sistema meta ma kellhix aċċess għaliha.

Il-Pulizija ressqet lil Ferriggi fil-Qorti tal-Maġistrati bil-każ instema quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud.

Amri xehed li Ferriggi kienet bdiet taħdem mal-iskola tiegħu xi sitt snin sakemm darba rritornat il-karozza li kienet taħdem biha u nfurmatu li ma kinitx sejra aktar għax-xogħol.

Xi ġimgħa wara raha għaddejja bil-karozza tagħha tgħallem is-sewqan u sostna li kienet ħaditlu informazzjoni dwar il-klijenti biex jibdew jitgħallmu magħha.

Ferriggi ċaħdet li ħaditlu xi informazzjoni u insistiet li t-tagħrif dwar il-klijenti kienet niżżlitu fit-telefon ċellulari tagħha.

Mill-provi rriżulta li kienu madwar 50 student li ħallew il-kumpanija ta’ Amri biex jitgħallmu s-sewqan ma’ ta Ferriggi.

Wara li sema’ liż-żewġ naħat il-Maġistrat Mifsud ikkonkluda li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li l-akkużata serqet informazzjoni lill-eks-imgħallem tagħha.

Huwa sostna li hija kienet ingħatat awtorizzazzjoni biex tagħmel użu mis-sistema diġitali tal-iskola fil-bidu li hija bdiet toffri s-servizzi tagħha lill-kumpanija.

Il-Maġistrat Mifsud żied li l-prosekuzzjoni u Amri assumew li ladarba ħafna mill-istudenti telqu mill-iskola tiegħu biex marru mal-iskola tagħha allura bilfors kien ifisser li ħadet l-informazzjoni imma dan ma rriżultax.

Kien għalhekk li huwa ma sabx lil Ferriggi ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha mill-Ispettur Melvyn Camilleri.

Share With: