Ħames studenti jnaqqxu isimhom fid-Dean’s List tal-Fakultà tal-Arti

L-24 edizzjoni sponsorjata mill-Bank of Valletta

Raffaello Bezzina, Christabelle Borg, Abigail Deguara, Joseph Tong u Michela Vella naqqxu isimhim fid-Dean’s List ta’ din is-sena fi ħdan il-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta.

Id-Dean’s List hija rikonoxximent ta’ eċċellenza b’rekwiżiti stretti ħafna. Din l-24 edizzjoni kienet appoġġata mill-Bank of Valletta li sponsorjaw kull edizzjoni mill-bidu tagħha.

L-istudenti ġew ippreżentati b’ċertifikat kommemorattiv mid-Dekan tal-Fakultà Dominic Fenech u donazzjoni monetarja minn Claudette Pace, Manager fi ħdan il-Bank of Valletta.

‘Li tidħol fid-Dean’s List jitqies bħala unur ogħla minn Grad tal-’Ewwel Klassi’, qal il-Prof Fenech. ‘Il-kriterji biex tidħol fil-lista huma stretti ħafna, bl-istudenti jeħtieġu li jiksbu Grad ‘A’ f’mill-inqas 80 credit fl-ewwel sentejn tal-kors, għalhekk m’hemm l-ebda spazju għal tnikkir u mbagħad tirkupra aktar tard.’

‘Għall-ewwel darba, għandna tliet studenti, Raffaello, Christabelle u Abigail, li kienu qed jistudjaw l-istess suġġett, il-Malti, ma’ Joseph jistudja l-Ispanjol u Michela bil-Lingwistika,’ kompla d-Dekan tal-Fakultà. 

‘Huwa unur għalina li niċċelebraw is-suċċess u x-xogħol iebes ta’ dawn l-istudenti, ’qalet Claudette Pace. ‘Fil-Bank of Valletta aħna kburin li nappoġġjaw premju li jippromwovi livell daqshekk għoli ta’ eċċellenza. Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-investiment tagħna fl-edukazzjoni, se jagħti ritorn akbar lis-soċjetà tagħna fil-futur. ‘

Share With: