Ħati li ffroda tnejn €59,000 fuq bejgħ ta’ art u pitturi

Raġel li nstab ħati li iffroda żewġ persuni €59,000 bejniethom fuq bejgħ ta’ art u pitturi kien ordnat jirrifondi l-imsemmija somma.

Giuseppe Azzopardi kien mixli li bejn l-2014 u l-2015, personalment jew bħala rappreżentant tal-kumpanija Bottega Del Marmista Limited, iffroda lil Carmelo Galea mill-Imġarr €50,000 u lil Ivan Vassallo mill-Belt €9,000.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud irriżulta li huwa iffroda lil Galea fuq trasferiment ta’ art li baqa’ qatt ma seħħ mentri lil Vassallo iffrodah meta ħadlu flus għal pitturi li kellhom jinġiebu minn barra imma ma ġewx.

Meta ġie biex jagħti l-piena l-Maġistrat Mifsud irrimarka li huwa ħaseb fit-tul dwarha u ħass li idealment kellu jibgħatu l-Ħabs anke għax kien arroganti miegħu aħseb u ara maż-żewġ vittmi.

Fl-istess waqt qal li kieku għamel dan kien se jitfa’ piż finanzjarju żejjed fuq iċ-ċittadini u fuq l-amministrazzjoni tal-Ħabs waqt li kien ikun diffiċli għaż-żewġ vittmi li jiksbu flushom lura.

Kien għalhekk li waqt li poġġa lil Azzopardi taħt ordni ta’ probation għal sena, ordnalu jagħmel 120 siegħa xogħol fil-kommunità u jħallas lura lil Galea €50,000 u lil Vassallo €9,000.

Il-prosekuzzjoni f’din il-kawża tmexxiet mill-Ispettur Elton Taliana li investiga l-każ.

Share With: