“Hemm aktar x’jgħaqqadna u jagħmilna simili milli x’jifridna. Irrelevanti mill-ġeneru tagħna” – Reb Xiberras, persuna non-binary

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

Reb Xiberras, li bħala persuna non-binary jixtiequ li jkunu indirizzati bil-pronomi huma/tagħhom, jiddeskrivu lilhom infushom bħala ferrieħa, li jħobbu jaqraw u jmorru xi mixja fil-kampanja u tinteressahom ferm il-psikoloġija. Huma qalu li hemm aktar x’jgħaqqadna u jagħmilna simili milli x’jifridna, irrelevanti mill-ġeneru tagħna.

Filwaqt li qalu lil dan il-ġurnal li jemmnu li meta tkun fil-minoranza fis-soċjetà hija impossibbli li ma tesperjenzax xi forma ta’ anzjetà, stress jew anke dipressjoni, rabja jew saħansitra tiġġudika lilek innifsek, żiedu jgħidu: “Mhux għaliex inti f’minoranza imma għaliex kif tħares is-soċjetà lejn il-minoranza. Is-soċjetà importanti li tirrealizza li meta tgħaddas tfal f’emozzjonijiet ta’ ħtija u mistħija tali punt li jistħu minnhom infushom jew saħansitra jobgħodu lilhom infushom, dawn l-emozzjonijiet mhumiex se jisparixxu meta tidħol liġi. Għaldaqstant il-liġijiet qegħdin hemm biex jiffaċilitaw il-ħajja tal-persuni. Trid tkun is-soċjetà flimkien mal-politikanti biex naslu. Mhux li nittolleraw lil xulxin pero nirrispettaw lil xulxin. Dan għaliex fl-aħħar mill-aħħar hemm aktar x’jgħaqqadna u jagħmilna simili milli x’jifridna. Irrelevanti mill-ġeneru tagħna.”

Biex jiġi spjegat, it-terminu “non-binary” jista’ jfisser affarijiet differenti għal nies differenti. Fil-qalba tiegħu, huwa użat biex jiddeskrivi lil xi ħadd li l-identità tal-ġeneru tiegħu mhijiex esklussivament maskili jew femminili. Jekk xi ħadd jgħidlek li huwa non-binary, huwa dejjem importanti li tistaqsi xi tfisser għalihom dan. Xi nies non-binary jesperjenzaw is-sess tagħhom kemm bħala rġiel u kemm nisa, u oħrajn jesperjenzaw is-sess tagħhom la bħala rġiel u lanqas nisa.

“Irrealizzajt li jiena non-binary meta sifirt ġewwa l-Ġermanja”

Mistoqsijin meta rrealizzaw li huma non-binary u kemm kienet diffiċli għalihom li jgħidu li huma non-binary, huma qalu li rrealizzaw meta sifru ġewwa l-Ġermanja. Huma qalu: “Mort camping fejn tgħallimt ħafna fuq issues relatati ma’ persuni LGBT u rrealizzajt jien min jien. L-aktar ħaġa diffiċli li naċċetta kienet li kelli nsiefer barra minn Malta biex nirrealizza mhux biss jien min jien imma li hija ħaġa normali, li l-ġeneru huwa spettru u kemm hemm nies diversi hemm barra u flimkien mal-għaqda LGBTI+Gozo din saret il-motto tagħna, fejn id-diversità nħaddnuha, naqsmuha u niċċelebrawha.”

Żiedu jgħidu: “Għaldaqstant għamiltha għan personali li din ma terġax tiġri. Li l-informazzjoni kollha meħtieġa tinstab hawnhekk fuq din il-gżira. L-għaqdiet differenti tal-LGBT hawn Malta wkoll ħadmu għal dan il-għan. Ħafna mill-għaqdiet jiġġieldu għal drittijiet fundamentali ta’ ugwaljanza u għalkemm kull organizzazzjoni għandha l-għan tagħha f’dawn il-mumenti lkoll ningħaqdu flimkien għall-bidla.”

“Persuni non-binary jiltaqgħu ma’ diversi problemi… jassumu liem ġeneru inti u jsejħulek biss fil-maskil jew femminil”

Meta huma ġew mistoqsija dwar liema huma l-iktar problemi li ltaqgħu magħhom fil-passat u uħud li għadhom jiltaqgħu magħhom fil-preżent, huma qalu li jemmnu li persuni trans u non-binary jiltaqgħu ma’ diversi problemi. Żiedu jgħidu: “Bħal pereżempju nies li jassumu liem ġeneru inti u għalhekk isejħulek biss fil-maskil jew femminil, postijiet pubbliċi fejn ma jkunx hemm gender neutral bathrooms u jkollok tagħżel fejn se tmur li hija skomda u jkun hemm spazju għal xi forma ta’ bullying. Eżempji oħra huma meta tapplika għal xi xogħol jew xi formola oħra dejjem trid tagħżel maskil jew femminil jew meta tirċievi ittra jew email ukoll Mr jew Ms. Nemmen li dawn huma riflessjoni ta’ soċjetà mibnija fuq id-differenza tal-ġeneru. Tkompli turina li għalkemm għandna liġijiet, id-differenza bejn il-ġeneru għadha teżisti.”

“Nemmen li l-liġijiet iridu jiġu aktar attwati fil-ħajja ta’ kuljum”

Meta ġew mistoqsijin jekk jaħsbux li s-soċjetà qed tagħti spazju lil nies oħra li huma non-binary, jew jaħsbux li bħala soċjetà għadna lura, huma qalu li jemmnu li l-komunità ta’ non-binary kibret, ikkumparata fejn qabel ħadd ma’ kien “out”. Żiedu jgħidu pero li l-liġijiet iridu jiġu aktar attwati fil-ħajja ta’ kuljum. 

Huma qalu: “Fl-aħħar mill-aħħar is-soċjetà magħmulha minna. Għalhekk mhux biss l-edukazzjoni imma wkoll li nħeġġu kemm nistgħu li nies jippruvaw. Jippruvaw jużaw kliem newtrali,  jippruvaw ikollhom aċċess għal kulħadd, jipprovdu għajnuna jekk hemm bżonn u jippruvaw ineħħu l-kaxxi kemm minn fuq il-formoli imma wkoll minn ħajjithom.”

“Importanti ma ninsewx trabi li jitwieldu intersex… din il-liġi se tipproteġi lilhom ukoll”

Rigward l-emendi fil-liġi fejn il-ġenituri jistgħu ma jiddikjarawx is-sess tat-tarbija sakemm it-tarbija tkun laħqet l-età tagħha li tiddeċiedi, huma qalu: “L-argumenti kontra din il-liġi huma li l-ġenituri se jagħżlu għal uliedhom pero din mhux diġà qed issir? Meta ġenituri jagħżlu li jniżżlu M jew F fuq ċertifikat ta’ twelid qed jagħmlu din l-għażla li jemmnu li hija l-aħjar għal dawk it-trabi bbażata fuq il-bijoloġija tat-tarbija. Din se tibqa’ u se tkompli tkun possibbli pero jista’ jkun hemm ġenituri li jippreferu li jrabbu tfal mhux abbażi tal-isterjotipi tal-ġeneru imma bħala umani. Irrelevanti mill-ġeneru, it-tfal xorta jistgħu jagħżlu li jibdlu jekk fil-każ ikunu jridu dan.”

Huma żiedu jgħidu: “Importanti ma ninsewx trabi li jitwieldu intersex u l-bioloġija tagħhom ma turix liem sess huma u għaldaqstant din il-liġi se tipproteġi lilhom ukoll.”

Share With: