Il-Grupp Farsons ippremjat bil-Marka tal-Kwalità għar-Riżorsi Umani

Il-Grupp Farsons ġie ppremjat bil-Marka tal-Kwalità fil-qasam tar-Riżorsi Umani ta’ Simonds Farsons Cisk plc, EcoPure Limited, Quintano Foods Limited u Farsons Beverage Imports Company Limited mill-Fondazzjoni għar-Riżorsi Umani (FHRD).

L-FHRD nediet il-Marka tal-Kwalità għar-Riżorsi Umani aktar kmieni din is-sena. B’dan il-premju, l-organizzazzjonijiet jiġu rikonoxxuti għall-prattiċi effettivi tagħhom fil-qasam tar-riżorsi umani. Il-premju jagħraf il-professjonalità, il-kompetenza u l-kontribut tar-riżorsi umani f’organizzazzjoni u jirrikonoxxi lil dawk l-organizzazzjonijiet li jqiegħdu lin-nies fil-qalba tan-negozju tagħhom b’dokumenti ta’ politika u strateġiji xierqa fuq l-elementi varji tar-riżorsi umani. Il-kumpaniji tal-Grupp Farsons ġew evalwati individwalment u kisbu riżultati eċċezzjonali wara evalwazzjoni wiesgħa mifruxa f’għadd ta’ elementi marbutin mar-Riżorsi Umani, bħall-politika u l-prattika tar-riżorsi umani, il-proċess tar-reklutaġġ, l-għażla, l-immaniġġjar tat-talenti, il-kumpens u l-benefiċċji, l-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali, l-immaniġġjar tal-prestazzjoni, is-sistemi ta’ informazzjoni tar-Riżorsi Umani, u t-taħriġ u l-iżvilupp. 

Il-Grupp Farsons kburi li kiseb il-Marka tal-Kwalità għar-Riżorsi Umani għal kull kumpanija mill-erbgħa li għandu. Il-Grupp ilu stabbilit u magħruf bħala impjegatur ewlieni f’pajjiżna, dejjem fuq quddiem bil-bidliet fl-immaniġġjar tar-riżorsi umani u l-iżvilupp. Il-Grupp jara li n-nies tiegħu, li jqishom bħala l-akbar ass li għandu, jingħataw ambjent xieraq, opportunitajiet ta’ żvilupp, kundizzjonijiet u benefiċċji tax-xogħol ġusti, opportunitajiet għal tkabbir u żvilupp, u attenzjoni ikbar għall-istil tal-għajxien tagħhom ħalli jibqgħu jtejbu l-prestazzjoni u l-motivazzjoni tagħhom. 

Il-Manager tar-Riżorsi Umani tal-Grupp u s-Segretarja tal-Kumpanija, Antoinette Caruana, qalet li “r-rikonoxximent li ngħatajna bil-Marka tal-Kwalità għar-Riżorsi Umani hu għall-membri kollha tat-tim Farsons, li l-Grupp hu kburi ħafna bihom. Li ninvolvu u nwasslu t-talent u li nixprunaw lill-impjegati għal ħidma sostenibbli u ta’ kwalità huwa twemmin magħġun fil-viżjoni tal-Grupp Farsons.”

Il-Marka tal-Kwalità għar-Riżorsi Umani tingħata għal perjodu ta’ tliet snin.

Share With: