Il-GWU msejħa biex tissalvagwardja lill-ħaddiema ssensjati minn Netent

Passi biex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-interessi u d-dinjità tal-ħaddiema mkeċċija b’mod inuman

Minn Carmen Cachia

Wara proprju dak li ġara aktar kmieni din il-ġimgħa fejn il-ħaddiema kollha li kienu jaħdmu mal-kumpanija “Netent” ġew mgħarrfa mill-maniġment tal-kumpanija l-ġdida – “Evolution” – li l-impieg tagħhom ġie terminat b’mod immedjat, kienu l-istess ħaddiema li kkuntatjaw lill-General Workers’ Union (GUW) biex tissalvagwardja l-interessi tagħhom. 

Minnufih bdiet il-ħidma mit-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi permezz tas-Segretarju Riccarda Darmanin, flimkien mad-Deputat Segretarju Generali, Kevin Camilleri u s-Segretarju Generali tal-GWU, Josef Bugeja, assistiti mill-uffiċċju legali tal-GWU permezz ta’ Dr Chris Vella. 

Wara l-imejl li ntbagħtet lid-DIER biex jintervjeni minħabba ksur tal-liġi sfaċċat mill-kumpanija l-ġdida, il-ħaddiema ġew imsejħa għal laqgha fil-bini tal-GWU. Il-ħaddiema milquta attendew kollha bi ħġarhom fejn fost it-temi li ġew diskussi kien hemm l-hekk imsejħa rappreżentanza tal-ħaddiema f’din il-kumpanija. 

Kienu bosta minn dawk prezenti li esprimew tħassib dwar il-proċess ta’ kif ġie maħtur ir-rappreżentant, l-għażla tal-avukat li l-istess rappreżentant għamel minghajr ebda forma ta’ konsensus u komunikazzjoni mal-ħaddiema, kif ukoll il-kummenti tal-istess hekk imsejjaħ rappreżentant fuq il-midja soċali. Mill-istess laqgħa ħareġ ukoll li ħadd ma kien involut fl-għażla tal-avukat li qiegħed jipproteġi l-interessi tagħhom, jew kif dan kien se jitħallas dan l-avukat. 

Hawnhekk ġew diskussi wkoll il-ksur ta’ proċessi fosthom il-proċess ta’ diskussjoni meta jkun hemm sensja kollettiva, il-proċess ta’ trasferiment ta’ negozju, kif ukoll kif se jkun qiegħed jinħatar il-kumitat biex jirrappreżentaw b’mod serju u trasparenti l-interessi tal-istess ħaddiema.

Manuvri li jiksru d-Dritt tal-Assoċjazzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta

Wara l-laqgħa kemm is-Segretarju tat-Taqsima, id-Deputat Segretarju Generali, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, urew it-tħassib tagħhom ta’ kif żvolġew l-affarijiet u kif, jekk ma jittieħdux il-miżuri meħtieġa mill-awtoritajiet, preċedenti bħal dawn se jieħdu s-sopravvent. 

Tajjeb li nsemmu li skont ma ġie rrapportat fil-“Financial News” tal-24 ta’ Ġunju, 2020, il-kumpanija “Evolution” akkwistat il-kumpanija “Netent” bi prezz li jlaħħaq il-biljuni ta’ Ewro u dawn issa waslu biex jirrikorru għal mod mill-aktar inuman biex jagħtu s-sensja lil dan in-numru kbir ta’ ħaddiema. 

Minn informazzjoni li għandha l-GWU, jidher li filwaqt li dawn il-ħaddiema kollha ġew mgħarrfa bis-sensja tagħhom, il-kumpanija “Evolution’ kienet qalet li fil-futur qarib se tkabbar il-workforce tagħha. Barra minnhekk il-GWU għandha l-evidenzi kollha biex ‘il quddiem tressaq il-mod sfaċċat li, permezz ta’ email lill-ħaddiema, il-maniġer tar-riżorsi umani ta’ din il-kumpanija qiegħed jagħtihom il-parir biex ma jidħlux f’unjin. Dawn huma manuvri deplorabbli u jiksru d-Dritt tal-Assoċjazzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Għall-GWU dan huwa inaċċettabli u l-Unjin qiegħda tistenna laqgħa konċiljatorja biex id-DIER ilaqqa’ l-partijiet kollha konċernati skont il-liġi biex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex mhux biss jiġu ssalvagwardjati l-interessi, imma anke d-dinjità tal-istess ħaddiema.

Share With: