Il-PM Robert Abela jinawgura t-tieni fażi tal-proġett tal-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali

Il-Prim Ministru Robert Abela, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, inawgura t-tieni fażi tal-proġett tal-Padiljun tal-Basketball f’Ta Qali, b’investiment ta’ madwar €1,000,000. Din il-faċilità ta’ livell internazzjonali hija waħda minn bosta proġetti fil-qasam sportiv li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-livell tal-isport f’pajjiżna.

Fl-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa kburi ħafna bix-xogħlijiet li saru u saħaq fuq l-importanza tal-isport biex nibnu soċjetà b’valuri soda, ħanina u dixxiplinati.

“L-iktar li laqatni l-fatt li din l-arena hija aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà kemm bħala spettaturi iżda attrezzata wkoll biex il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jipprattikaw il-logħba tal-basketball”, qal il-Prim Ministru. Qal li dan jgħaqqad mal-politika tal-inklużjoni tal-gvern u kien għalhekk li eleva s-settur tad-diżabilità fuq livell ta’ ministeru.

Il-Prim Ministru tenna li dan il-gvern jemmen fil-professjonalità u mhux fil-medjokrità. Qal li gvern se jmexxi ’l quddiem il-kunċett ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-isport biex dak li hemm miktub fuq il-karta jitwettaq fil-prattika. Sostna li b’dan il-kunċett, l-assoċjazzjonijiet tal-isport f’pajjiżna jistgħu jkunu awto-suffiċjenti waqt li jkompli jitjieb il-livell tal-isport.

Huwa tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jinvesti fl-isport, fiż-żgħażagħ u fl-assoċjazzjonijiet sportivi f’pajjiżna. Faħħar il-kontribut volontarju li tat l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball, l-MBA, tul is-snin u assigura li l-gvern se jibqa’ jkun ta’ appoġġ kemm għalihom kif ukoll għal għaqdiet oħra bħal Special Olympics Malta biex ikollna soċjetà dejjem aktar b’saħħitha u inklussiva.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima rringrazzja lil SportMalta u l-impenn tal-MBA li kellhom irwol ċentrali fit-twettiq ta’ dan il-proġett. Saħaq li dan huwa proġett li se jitfa’ lil Malta fuq il-mappa tal-kompetizzjonijiet internazzjonali b’arena tal-ogħla livell.

Dr Grima qal li l-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport tħares ukoll lejn l-infrastruttura sportiva, infrastruttura li se tkompli tgħolli l-livell tal-isport f’pajjiżna.

Il-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali ilu mibni minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-ewwel fażi tal-proġett inżammet biss l-istruttura tal-ħadid, li ġiet trattata u miżbugħa mill-ġdid. Ma’ din l-istruttura kien intrabat saqaf ġdid u nbidlu l-panelli tal-ħadid li kienu jdawru l-perimetru tal-padiljun.

Fit-tieni fażi tal-proġett inbnew stands akbar għall-ispettaturi biex il-padiljun illum jista’ jilqa’ fih sa elf spettatur. Il-proġett inkluda wkoll uffiċini u mħażen ġodda, restorant ġdid u anke kmamar ġodda għall-atleti. Fl-istess waqt ingħatat attenzjoni wkoll biex l-arena tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà fejn ġew installati liftijiet u saru rampi apposta sabiex il-padiljun ikun aċċessibbli għal kulħadd. Dan ix-xogħol jikkumplimenta wkoll diversi inizjattivi li ħadet l-MBA.

B’dan l-investiment Malta għandha padiljun ta’ livell internazzjonali li mhux biss jospita logħob u tournaments ta’ livell nazzjonali iżda post li ser jintuża għal-Loghob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li Malta ser tospita fl-2023.

Share With: