Il-poplu jagħżel il-kultura Maltija … Jomike u Lydon rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-MGT

B’makjetta oħra fil-finali, Jomike u Lydon irnexxielhom jisirqu s-simpatija tal-poplu Malti u Għawdxi u t-talent Malti ħareġ rebbieħ fl-ewwel edizzjoni tal-Malta’s Got Talent.

Fil-makjetta l-missier staqsa lil ibnu kif kienu se jiħduha jekk jitilfu l-finali, b’Lydon iwieġbu li b’daqshekk ma jiġri xejn kbir u li l-aqwa jkun li jieħdu pjaċir. Jomike jkompli billi jagħmel referenza għall-fażi ta’ qabel meta ċ-ċkejken seraq il-qlub meta bl-emozzjoni tfixkel fil-kliem u qallu ara kemm kienu se jidħku bihom jekk jiġri l-istess, iżda ċ-ċkejken malajr jirrispondi li għalih ma tkunx xi biċċa nkwiet u jgħid li issa hekk ġiet. Fit-tmiem tal-makjetta tagħhom huma għalqu jappellaw lill-pubbliku biex japprezzaw l-Għana għax dan huwa wirt kulturali tagħna.

Mimli emozzjoni bid-dmugħ f’għajnejh, Jomike rringrazzja lil kulħadd li għenhom jaslu s’hawn. Huwa qal li jekk imqar bniedem wieħed jispira ruħu hu wkoll ikun kuntent. Mistoqsi dwar x’se tkun l-ewwel ħaġa li jagħmlu bil-premju, huwa qal li ċertament se jkompli jinvesti fit-talent ta’ ibnu.

Share With: