Il-President jisħaq mill-ġdid dwar l-importanza tal-użu tajjeb tal-Malti

Il-President ta’ Malta George Vella saħaq mill-ġdid dwar l-impenn tal-presidenza tiegħu favur l-użu tajjeb tal-ilsien Malti. Waqt li kien qed jindirizza ċ-ċerimonja annwali tal-għoti tal-midalja tad-deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’, li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-patronċinju tiegħu u tas-Sra Vella, il-President saħaq li, “Ma’ kull tixlifa mhux f’postha, ma’ kull marka jew tebgħa mhux mixtieqa, inkunu qegħdin inħassru l-għelm per eċċellenza ta’ dak li jagħmilna Maltin – ilsien pajjiżna”.

Il-President feraħ lir-rebbieħa ta’ din is-sena tal-midalja tad-deheb, l-awtriċi Lina Brockdorff, u faħħarha talli tat ħajjitha għal-lingwa Maltija, mhux biss bil-kitba iżda wkoll b’ħidmietha fix-xandir u bħala President tal-Għaqda Letterarja Maltija. Iddeskriviha wkoll bħala eżempju sabiħ ta’ anzjanità attiva, bl-aħħar tliet pubblikazzjonijiet li ftit tal-ġimgħat ilu żdiedu mal-kullana twila taħt isimha.

Il-President feraħ ukoll lill-Akkademja tal-Malti talli kull sena tirrikonoxxi l-kontribut ta’ individwi li, bil-pinna tagħhom u spiss ukoll b’għemilhom, ikunu għarfu jseddqu l-letteratura Maltija u l-għarfien tal-Malti. “Pajjiżna jeħtieġ li jagħmel użu minn kull talent li għandu għax dan hu l-veru riżors tal-pajjiż li jrid, issa ħafna aktar minn qatt qabel, jixpruna, inebbaħ u jdawwal it-triq lejn għarfien ġdid ta’ min aħna, ta’ dak kollu li jgħaqqadna flimkien u ta’ dak li jrid iżommna biex fil-futur inkomplu nħarsu l-identità tagħna”, qal il-President.

Minħabba ċ-ċirkustanzi maħluqin mill-pandemija tal-COVID-19, il-midalja rċeviha f’isem is-Sra Brockdorff in-neputi tagħha, Chris Mercieca.

Share With: