Il-volontarjat jissarraf f’soċjetà aktar ġusta u inklussiva – Il-President George Vella

Il-President ta’ Malta George Vella qal li dawk kollha li jagħżlu li jinvolvu ruħhom f’xi għaqda volontarja jew oħra jkunu qed joħolqu xibka ta’ għajnuna u appoġġ li maż-żmien tissarraf f’soċjetà aktar ġusta u inklussiva. Meta kien qed jindirizza ċ-ċerimonja annwali tal-għoti tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat – organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fil-Belt Valletta taħt il-patronċinju tiegħu – il-President  irrimarka li pajjiż li jkollu settur tal-volontarjat b’saħħtu u li jolqot aspetti differenti tal-ħajja, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-għajnuna soċjali, l-isport, u l-ambjent, ikun qed jibni fuq il-prinċipji universali tal-empatija u l-għajnuna lejn ħaddieħor. Dawn kollha kienu u għadhom sisien importanti li fuqhom huwa mibni t-tessut morali tas-soċjetà Maltija. Huwa sellem lill-eluf kbar li huma involuti fil-volontarjat fi kważi 2,000 organizzazzjoni li jkopru kull xorta ta’ servizzi volontarji fil-komunità.

Il-President osserva kif huma bosta dawk l-assoċjazzjonijiet volontarji li kellhom l-attivitajiet tagħhom imħarbta, jekk mhux ukoll imħassrin jew posposti għas-sena d-dieħla, kaġun tal-pandemija tal-COVID-19. Dan kompla żied mal-isfidi li dawn l-organizzazzjonijiet volontarji jkollhom biex jiżguraw li jagħtu l-aħjar servizz u għajnuna fil-qasam tagħhom. Semma kif anki l-Malta Community Chest Fund Foundation għaddejja minn sfidi simili, u għalhekk jifhem u napprezza wisq aktar id-determinazzjoni tal-għaqdiet volontarji biex ikomplu jkunu ta’ servizz anki f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

“Nemmen li l-qasam tal-volontarjat huwa teżor li jikber ftit ftit kuljum minn eluf ta’ individwi li jagħżlu, b’mod deċiż, li jagħtu l-enerġija u l-ħin tagħhom biex jgħinu lil ħaddieħor jew ikunu vuċi b’saħħitha kontra xi inġustizzja jew oħra”, qal il-President. “L-għoti ta’ dawn il-premjijiet huwa biss xrara żgħira ħdejn l-apprezzament u l-kburija li għandu l-poplu Malti lejn l-eluf ta’ voluntiera li, b’xi mod jew ieħor, qed joħolqu differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor u jkunu anki mudell għalina lkoll. Bil-ħidma ta’ dawn ħutna li, bl-aktar mod dedikat u mingħajr xi forma ta’ gwadann personali, jagħtu minn ħinhom, mill-kapaċitajiet personali u professjonali tagħhom, biex jgħinu lil ħaddieħor, il-kwalità tal-ħajja ta’ madwarna ssir aħjar. Dawn huma eżempji li, fid-dlam tan-negattività u l-firda li  sfortunatament għad hawn fostna, jitfgħu d-dawl fuq it-triq li rridu nimxu jekk verament irridu naraw pajjiż u soċjetà kuntenti u miexja ’l quddiem.

Share With: