Imħabbra dettalji tas-Serata Televiżiva ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta flimkien mal-Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern  Lokali José Herrera taw dettalji tal-ispettaklu ta’ tliet sigħat waqt konferenza stampa fil-Forti  Sant’Iermu. Minħabba l-miżuri tas-sigurtà kontra l-pandemija Covid-19, l-ispettaklu mhux miftuħ  għall-pubbliku u se jkun qed jintwera dirett fuq it-televiżjoni mill-10 p.m. sas-1 a.m. 

Il-Ministru José Herrera tenna, “Il-kuraġġ u r-reżiljenza li urejna bħala nazzjon matul l-2020 ser  iwassluna sabiex l-2021 tkun waħda li rridu nħarsu lejha b’mod pożittiv, b’aspirazzjoni u  b’determinazzjoni li nerġgħu naqbdu t-triq tan-normalità. Huwa għalhekk li nemmnu li din l inizjattiva hija waħda importanti għaliex, filwaqt li qegħdin nadattaw għar-realtà preżenti, xorta  waħda se nkunu qegħdin nagħtu spettaklu televiżiv li jilħaq l-ogħla livell lill-pubbliku Malti”. 

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal, “Minħabba s-sitwazzjoni  preżenti tal-pandemija Covid-19, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena din is-sena se jseħħu  bħala spettaklu live fuq it-tliet stazzjonijiet prinċipali TVM, One u Net fi spettaklu ta’ għaqda  nazzjonali. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għamlet biċ-ċert li tkompli tgħolli l-moral waqt  lejla speċjali b’avveniment ieħor ta’ kwalità mill-Forti Sant’Iermu u postijiet oħra fil-Belt Valletta,  filwaqt li noħolqu tama għas-sena li ġejja.” 

Is-serata tinkludi l-Palace String Orchestra li hija magħmula minn 12-il mużiċist taħt id-direzzjoni ta’  Ryan Paul Abela, u li se tkun akkumpanjata minn uħud mill-aqwa artisti Maltin, fosthom Amber,  Aidan, Jasmine u Kevin Paul. Is-serata tinkludi wkoll lit-tim lokali magħruf Min Imissu?, u s semifinalisti ta’ Britain’s Got Talent l-Ember Trio se jkunu qed jesegwixxu f’postijiet ikoniċi tal-Belt  Valletta, fosthom ġewwa l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u huma l-qofol tal-ispettaklu. Il-kummidjant  famuż Ingliż Michael McIntyre ser jagħti l-prestazzjoni tiegħu matul is-serata. L-ispettaklu se jkun  ippreżentat minn Ben Camille, flimkien ma’ Andreana DeBattista. 

Wirja speċjali ta’ logħob tan-nar mill-Port il-Kbir u l-inħawi ser titella’ f’nofsillejl. 

Il-Valletta National New Year’s Eve 2021 Variety Show qed jiġi organizzat mill-G7 Events, bl appoġġ tal-Partnership Agreement għal avvenimenti fuq skala kbira u inizjattiva mal-Aġenzija  Kulturali għall-Belt Valletta Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern  Lokali.

Share With: