Impjegat ta’ Gordon Debono jsarraf €6.2 miljun f’sentejn

Wieħed mill-pulizija involuti fl-investigazzjoni li wasslet biex tressqu fil-Qorti ħames persuni akkużati b’ħasil ta’ flus spjega lil maġistrat kif f’sentejn waħda mill-kumpaniji ta’ Gordon Debono, wieħed mill-akkużati, ħarġet €6.2 miljun f’ċekkijiet lil impjegat tagħha, Shaun Higgins.

L-Ispettur James Turner kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fil-bidu tal-kumpilazzjoni li fiha Higgins, ta’ 36 sena, jinsab mixli b’kompliċità f’ħasil ta’ flus.

Minbarra Higgins il-Pulizija ressqet ukoll lill-koppja Gordon u Yvette Debono kif ukoll liż-żewġ eks-plejers internazzjonali tal-futbol Darren Debono u Jeffrey Chetcuti.

L-Ispettur Turner, li jaħdem fl-Iskwadra Kontra l-Ħasil tal-Flus u investiga l-każ mal-Ispettur Joseph Xerri, spjega kif is-suspettat ewlieni fl-investigazzjoni tagħhom kien Gordon Debono.

Huwa stqarr li l-Pulizija rat diversi diskrepanzi u nuqqas ta’ loġika f’ċertu tranżazzjonijiet u fliet ċekkijiet li nħarġu lil Higgins mill-kumpanija Petroleus li tagħha huwa impjegat u Gordon Debono s-sid.

Mill-istħarriġ irriżulta li bejn l-2013 u l-2015 il-kumpanija Petroleus ħarġet €6.2 miljun f’ċekkijiet lil Higgins bl-ammont jvarjaw minn €5,000 għal €500,000.

Meta kien interrogat Higgins qal lill-Pulizija li huwa kien imur isarraf iċ-ċekkijiet imbagħad jirritorna l-flus fl-uffiċċju tal-kumpanija f’Portomaso u nsista li ma ħax ċenteżmu wieħed għal dan.

Higgins qal ukoll lill-Pulizja li meta staqsa lil Debono dwar dawn it-tranżazzjonijiet dan qallu li ma kien qed jagħmel xejn ħażin.

Mill-ewwel seduta rriżulta wkoll li Higgins għandu ‘cabin cruiser’ irreġistrata fuq ismu u li kien qed jirreklama għall-bejgħ dgħajjes u karozzi tal-istess Debono.

Fi tmiem is-seduta l-Avukat Franco Debono, li qed jidher għall-akkużat mal-Avukat Amadeus Cachia, talab għall-ħelsien mill-arrest ta’ Higgins.

Madankollu l-Avukat Elaine Mercieca mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonat kemm għax baqa’ xhieda pajżana kif ukoll għax l-istħarriġ tal-Pulizija għadu għaddej.

Higgins baqa’ miżmum taħt arrest bis-seduta li jmiss f’din il-kawża se ssir fit-23 ta’ Diċembru li ġej.

Share With: