“In-negattività nwarrbuha… kburi ħafna bit-tifel u bil-premju se nkun qiegħed ninvesti fit-talenti tiegħu”

Jitkellem Jomike Agius l-għada li hu u ibnu Lydon rebħu l-Malta’s Got Talent

Minn BRIAN GATT

“Il-vjaġġ kien wieħed twil u mill-isbaħ mimli emozzjonijiet”. Qal dan Jomike Agius f’kummenti li għadda lil inewsmalta wara li flimkien ma’ ibnu Lydon ħarġu rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-Malta’s Got Talent.

Il-missier qalilna li hu kellu biss xewqa li jieħu sehem iżda beda jaqta’ qalbu. Mhux għax l-għana fiha xi ħaġa ħażina, anzi hu dejjem ħadem biex din l-arti biex ngħidu hekk tradizzjonali tiġi apprezzata mill-poplu. Iżda bħala bniedem matur huwa ammetta li meta tiġi għal kompetizzjoni b’daqshekk talent, ma kienx jemmen li din il-ħolma kellha ssir realtà. Kellimna dwar ir-relazzjoni li hemm bejnu u bejn ibnu u li meta rah daqshekk interessat f’din il-kompetizzjoni, u kontinwament jitolbu; “Ejja nidħlu! Ejja nidħlu! Ejja nidħlu!”, ma setax iċaħħdu u ddeċieda li joħodha bħala esperjenza.

Staqsejnieh dwar il-mument li seta’ waqqaf il-vjaġġ tagħhom lejn il-finali. Il-mument li Lydon nesa l-parti tiegħu, xi ħaġa li setgħet biddlet is-serata f’waħda ta’ delużjoni. “Lydon seta’ għamel ħafna reazzjonijiet dakinhar, seta’ nfaqa jibki, seta’ nħakem mill-paniku u daħal ’il ġewwa, iżda minflok hu għamilli sinjal b’għajnejh u messli kemm kemm sieqi biex jurini li kellu bżonni u dik għalija turini l-kapaċità tat-tifel”, kompla jgħidilna Jomike.

Mistoqsi dwar il-ħafna reazzjonijiet li kienu jinkludu rabja għall-missier li seta’ uża liċ-ċkejken biex jirbaħ is-simpatija, Jomike qalilna li ma kinitx tagħmel sens li jidħol waħdu għax fl-aħħar mill-aħħar din kienet ix-xewqa ta’ ibnu. Il-missier qal li jekk wieħed joqgħod ifittex ix-xagħra fl-għaġina mela kull esebizzjoni li kienet tinkludi ċ-ċkejknin mela dawn setgħu ġew “użati” mill-ġenituri tagħhom biex jerbħu? 

Mistoqsi dwar il-premju, Jomike qal li l-ebda ċifra ma kienet tixtri l-emozzjoni f’għajnejn ibnu, iżda bil-flus se jkun qed ikompli jinvesti fit-talent tiegħu. Fost ix-xewqat ta’ Lydon hemm li jsiefru biex iferrħu lill-Maltin fl-Awstralja, li jitgħallem il-pjanu u li jkun hemm it-tieni CD wara rispons tajjeb ħafna għall-ewwel waħda.

Jomike xtaq jagħmilha ċara li hu mhux se jasal qatt biex jiċħad l-għeruq tiegħu u hawnhekk ma setax ma jirringrazzjax lill-familja Pawney li magħhom beda dan kollu meta twaqqaf il-grupp “We R 3”. Il-missier qalilna wkoll li m’hemmx kliem biex jirringrazzja lil martu li minkejja li ma dehritx fuq il-palk, kienet il-bastun fit-trobbija taċ-ċkejken u li dejjem isibuha hemm biex tgħinhom iwettqu l-ħolm tagħhom. Finalment huwa rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu li bl-għażla tiegħu wettaq ix-xewqa taċ-ċkejken Lydon li temm bl-appell “Ħobbu l-Għana u l-makjetti. Dawn huma tradizzjonijiet tagħna l-Maltin!”

Share With: