Inawgurat l-uffiċċju l-ġdid tal-Għajnuna Legali fil-Belt

Ritratt: Roger Azzopardi

Ġie inawgurat uffiċjalment l-uffiċċju l-ġdid tal-Għajnuna Legali fil-Belt Valletta, b’investiment li jlaħħaq il-€1.4 miljun. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi Rosianne Cutajar u l-Kummissarju kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri.

F’kelmtejn li għamel il-Ministru Zammit Lewis, qal li b’dan l-investiment se nsaħħu l-qasam tal-għajnuna legali, u l-uffiċċju se jiġi attrezzat b’aktar għodda importanti biex b’hekk ngħinu lil dawk l-aktar li huma fil-bżonn. Qal li l-ħidma f’dan is-settur se tkompli tissaħħaħ biex b’hekk ikun aċċertat il-ħarsien denju ta’ kull ċittadin.

Is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet li l-inawgurazzjoni ta’ dan l-uffiċċju qed isir proprju waqt is-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika. Qalet li dan il-ftuħ juri l-impenn u s-serjetà ta’ dan il-Gvern u li b’hekk qed ngħollu l-istandards għas-servizz illi jingħata lil dawn il-vittmi vulnerabbli. 

Min-naħa tagħha, Dr Lydia Abela qalet li hija kienet taħdem ma’ nisa li jgħaddu minn esperjenzi ta’ vjolenza domestika u li għaldaqstant tista’ tifhem l-importanza tal-għajnuna legali. Hija tenniet li l-Gvern qed juri b’mod ċar li mhux biss jagħmel il-liġijiet iżda qed ikompli bil-ħidma tiegħu biex jindirizza l-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika. 

Share With: