Inawgurazzjoni ta’ proġett għal kamra multisensorjali fl-Esplora
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal Istrateġija għal wara l-Covid-19 Owen Bonnici nieda proġett ta’ kamra multisensorjali fl-Esplora, iċ Ċentru Interattiv tax-Xjenza, flimkien maċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando u l-Eżekuttiv tal-Marketing tal-Bank of Valletta Charles Azzopardi.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega li, “Kamra multisensorjali hija deskritta bħala ambjent terapewtiku maħluq għall-iskop ewlieni li jwassal livelli għoljin ta’ stimoli sabiex itejjeb l-għixien ta’ min jagħmel użu minnhom – kamra privata li turi illużjonijiet ottiċi b’effetti ta’ dawl, aromi, kuluri u ħsejjes ikkombinati biex tistimula x-xamm, is-smigħ u t-togħma. Ġie skopert li spazji sensorjali jnaqqsu mġiba negattivi u jtejbu l-involviment tal-individwi li jagħmlu użu minnhom.”
Ambjenti multisensorjali jinħolqu b’żewġ għanijiet u dawn huma li tingħata spinta lill-attività intellettwali u li tippromwovi r-rilassament. Huma maħsuba li dawn ikunu spazji dedikati li fihom l istimulazzjoni sensorjali tista’ tiġi kontrollata, preżentata f’iżolament jew f’kombinazzjoni, ippakkjata għal interazzjoni attiva jew passiva, u mqabbla biex taqbel mal-motivazzjoni perċepita, interessi, divertiment, rilassament, bżonnijiet terapewtiċi u/jew edukattivi tal-utent.
“Esplora, bl-għajnuna tal-Bank of Valletta, se tkun qed iddawwar spazju ta’4.5m b’2.6m għal kamra multisensorjali”, kompla jispjega l-Ministru Bonnici. “Kamra bħal din ikun fiha: effetti tad-dawl, bħal proġetturi bir-roti li jdawlu l-kamra kollha, bozoz tal-bżieżaq, spotlights, star panels, fibre optics, dwal UV, mirja forma ta’ blalen u anke dwal tal-Milied. Dawn l-effetti tad-dawl jidhru l-aħjar jekk il-kamra jkollha kapaċità ta’ blackout totali. Dan jista’ jsir ħafna fl-ispazju msemmi hawn fuq peress li din il-kamra m’għandhiex twieqi apposta. Attivitajiet sensorji bħal nfiħ ta’ bżieżaq, pitturi tas
swaba’, u użu ta’ għaġina tal-logħob. Esperjenzi bħal li tmiss varjetà ta’ oġġetti li jinbidlu inkluż f’pannell tal-ħajt interattiv. Oġġetti ta’ effett bħall-użu ta’ swiċċijiet biex jippermettu lill-individwu jikkontrolla oġġetti fl-ambjent tiegħu jew tagħha, u ġugarelli li jipprovdu effetti viżwali, vibrazzjoni, jagħmlu ħoss, jew għandhom sensazzjoni oħra li tinħass. Oġġetti rotob fuq l-art bħal twapet, imħaded, jew beanbags. Effetti tal-ħoss bħall-mużika tat-tfal, ħsejjes tan-natura, jew ħsejjes tal-annimali. Mużika ritmika magħżula b’varjetà ta’ ton, ritmu, u spazjar tista’ tintuża biex tikkalma t-tfal, u għall
istimulazzjoni tal-moviment, fost oħrajn.”
Fid-diskors tiegħu, iċ-Chairman tal-MCST Jeffrey Pullicino Orlando qal li, “l-Esplora joffri ambjent inklussiv u aċċessibbli għall-persuni b’abbiltajiet differenti. Dan il-proġett ġdid se jkompli ma’ serje ta’ inizjattivi relatati li diġà qed isiru l-Esplora”. Huwa saħaq kemm huwa importanti li nkomplu naħdmu sabiex persuni b’kapaċitajiet differenti jagħmlu l-aħjar użu miż-żjara tagħhom l-Esplora. Jeffrey Pullicino Orlando rringrazzja lil BOV għall-appoġġ li Esplora rċieva ghal dan il-proġett.
Gruppi tal-popolazzjoni li jibbenefikaw ħafna mill-użu ta’ kmamar ta’ din ix-xorta jinkludu nies b’Alzheimer’s, Asperger’s Syndrome, ADHD, Paraliżi Ċerebrali, Dimensja, Down Syndrome, Dislessija, u Epilessija. Madankollu, anke dawk li ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija minn dawn, xorta jistgħu jibbenefikaw mill-użu ta’ kamra sensorjali biex jipproċessaw ħsibijiet u emozzjonijiet.
Esperjenza rilassanti u esplorattiva bħal din se tkun provduta taħt il-gwida ta’ faċilitatur, li se jħarreġ il-persuni ta’ Esplora. B’dan il-proġett, il-ministeru ser ikun qed jagħti mbuttatura ‘l quddiem fejn tidhol l-inklussività u l-aċċessibilità f’pajjiżna permezz taċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza fl-Esplora.
Din il-kamra ser tkun tista’ żżomm erba’ persuni f’daqqa, permezz ta’ prenotazzjonijiet minn qabel. Servizz komunitarju se jkun offrut minn Esplora mingħajr ebda spiża addizzjonali minbarra l-miżati tad-dħul normali. Esplora se tkun qed toffri ukoll Autism-Friendly Hours u ADHD-Friendly Hours.