Infrastructure Malta tassisti lill-korp tal-Pulizija f’Ta’ Kandja b’xogħlijiet infrastrutturali

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri inawguraw xogħlijiet infrastrutturali li saru minn Infrastructure Malta lill-Korp tal-Pulizija f’ Ta’ Kandja.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Aħna rridu nkunu ċerti u kommessi li noffru l-aqwa kundizzjonijiet biex dawn l-entitajiet joperaw fl-aqwa ambjent u bl-aktar effiċjenza possibli u qegħdin nagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa għax aħna nemmnu fihom, nemmnu fis-servizzi li joffru u fuq kollox fis-sigurtà u l-protezzjoni li jagħtu lil kull ċittadin. Bħala gvern, l-impenn tagħna mhuwiex biss ċiviku lejn il-komunità iżda rridu nkunu ċerti li nassistu ukoll lil dawn l-entitajiet ħabrieka permezz ta’ xogħolijiet infrastrutturali u modernizzar tal-aqwa kwalità.”

Fil-ġimgħat li għaddew, l-aġenzija għamlet diversi xogħlijiet ta’ titjib fil-Kumpless tal-Pulizija f’Ta’ Kandja, partikolarment fis-sezzjoni fejn hija bbażata r-Rapid Intervention Unit (RIU) kif ukoll fil-kwartieri ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li jinsabu fl-istess inħawi fil-limiti tas-Siġġiewi. Barra minn hekk, ta’ min isemmi li fil-kwartieri tar-Rapid Intervention Unit (RIU), Infrastructure Malta għamlet ukoll xogħol ta’ tisbiħ permezz ta’ tqegħid ta’ ħamrija u tħawwil ta’ 68 siġra indiġena fosthom ħarrub, ċipress u żnuber.

Xogħlijiet oħrajn li diġà saru jinkludu diversi interventi għal kontra l-għargħar, fejn mhux biss tnaddfu u ssewwew il-kanali u l-ispralli li diġà kien hemm, imma nbnew sistemi oħrajn ġodda għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Fost oħrajn ġie organizzat aħjar l-ispazju għall-parkeġġ fil-btieħi għall-vetturi tas-servizz, ġew iffurmati toroq bl-asfalt u bis-sinjali kif ukoll inbnew bankini madwar il-binjiet li hemm fl-istess kwartieri għal aktar sigurezza. Tneħħew ukoll strutturi ta’ ċnut qodma u nbnew ħitan ġodda.

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif dan il-proġett bidel il-post għal wieħed state-of-the-art. Huwa fisser kif ix-xogħlijiet li saru ġewwa Ta’ Kandja bl-għajnuna ta’ Infrastructure Malta ser jgħinu biex il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jaħdmu minn dan il-kumpless ikollhom ambjent iktar xieraq u li jilqgħek.

“Il-Ministeru għall-Intern, b’kollaborazzjoni ma’ ministeri oħra qiegħed jaħdem biex itejjeb l-ambjent li jaħdmu fih il-pulizija. Irridu pulizija motivati u l-post tax-xogħol huwa wieħed mill-fatturi li jwassal biex bniedem ikun iktar kuntent,” qal il-Ministru Camilleri li nnota l-investiment li qed isir fir-Rapid Intervention Unit.  Huwa qal kif dan il-proġett huwa parti minn sensiela ta’ investimenti oħra li qed jagħmel il-Korp tal-Pulizija li jlaħħqu miljuni ta’ ewro.

Infrastructure Malta għamlet ukoll diversi xogħlijiet ta’ titjib fejn jidħlu s-servizzi tad-drenaġġ u tal-elettriku li f’ċerti każi, apparti tħaffir ta’ trinek u tqegħid ta’ cables ġodda, kien jinkludi wkoll bini ta’ switchrooms.

L-aġenzija bħalissa qed tagħmel ukoll xogħlijiet infrastrutturali fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati li wkoll qiegħda f’Ta’ Kandja, fil-Garaxx tal-Pulizija fil-Furjana u fl-Istazzjon tat-Tifi tan-Nar ta’ Ħal Far.

Share With: