Investiment fir-rinnovar ta’ Villa Bianca biex tinbidel fi skola tal-mużika għal tfal bl-awtiżmu u b’diżabbiltà
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, flimkien maċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca, ħabbar li l-gvern se jkun qiegħed jiffinanzja x xogħlijiet ta’ rinnovar f’Villa Bianca f’Birkirkara sabiex tinbidel fi skola tal-mużika għal tfal bl awtiżmu u b’diżabbiltà.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li din il-villa ngħatat b’donazzjoni lil Malta Trust Foundation, u permezz tal-fondi allokati mill-iskema għall-persuni b’diżabbiltà li tħaddem l-Awtorità tad-Djar, se jsirulha x-xogħlijiet neċessarji biex toffri l-ambjent meħtieġ lil dawn it-tfal u żgħażagħ.
“Din il-villa li ninsabu fiha se tiġi mibdula f’ambjent speċifiku li jħares lejn il-bżonnijiet partikolari tal-benefiċjarji. Meta qed ngħid speċifiku, qed nirreferi għad-dettall liema bħalu li qegħdin nidħlu fih. Mill-kulur użat għall-ħitan sa kif se nibdlu l-ispazju miftuħ biex jaħseb fis-sigurtà tat-tfal u żgħażagħ li se jitgħallmu l-mużika fiha. Kien ikun faċli kieku wieħed jagħmel biss ix-xogħol ta’ tiswija li huwa meħtieġ f’din il-villa, iżda bħalma anke qegħdin nagħmlu fi proġetti ta’ housing speċjalizzat flimkien ma’ numru ta’ NGOs, qegħdin naħsbu fil-bżonn tal-persuni li se jagħmlu użu mid-djar sa mill-bidu.”
Il-Ministru Roderick Galdes tenna li dan il-proġett juri kif il-vuċi ta’ dawk li javviċinaw il-gvern ma taqax fuq widnejn torox iżda tinbidel fi proġett li jindirizza l-bżonnijiet tagħhom.
“L-esperjenzi tagħkom huma l-bażi ta’ kull proġett li nħabbru, b’dan il-proġett partikolari żgur li huwa mużika għal widnejn dawk li għandhom tfal bl-awtiżmu jew diżabbiltà, kif ukoll għal dawk li għandhom xi ħadd fil-familja jew ħbieb tagħhom, li jafu li din l-iskola se tagħmel differenza kbira fil-ħajja tagħhom.”
Huwa kkonkluda jgħid li, “M’għandix ħlief kliem ta’ tifħir għall-Malta Trust Foundation immexxija minn Marie-Louise Coleiro Preca, u nsostni li l-NGOs dejjem se jsibu spalla li jserrħu fuqha, widna lesta biex tisma’ l-ideat tagħhom u id ta’ għajnuna biex proġetti bħal dawn ma jibqgħux fuq il-karta iżda jissarrfu fi proġetti imprezzabbli bħal dawn.”
L-għalliema tal-mużika li se joffru s-servizz tagħhom f’din l-iskola se jiġu mħarrġa mill-iskola tal mużika Resonaari bbażata fil-Finlandja, li se jgħaddu l-aqwa prattiċi lil Malta.
Marie-Louise Coleiro Preca, iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, saħqet li, “Huwa tassew ammirevoli l-fatt li l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jilħaq l-NGOs fuq proġetti li huma ntiżi li jipprovdu servizzi biex jagħtu għajnuna lil tfal u żgħażagħ vulnerabbli. L-Iskola tal-Mużika Villa Bianca se tagħti għajnuna lil ħafna tfal u żgħażagħ b’abilitajiet differenti biex jiksbu żvilupp aħjar. Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali se jkun qiegħed jgħin primarjament lill-Malta Trust Foundation biex twettaq dan l-għan importanti permezz ta’ dan il-proġett uniku għal Malta u Għawdex.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay fakkar fid-differenza li qiegħda tagħmel l-iskema għal persuni b’diżabbiltà. “B’din l-iskema diġà biddilna l-ħajja ta’ madwar 900 familja, minn tfal b’diżabbiltà għal anzjani, din l-iskema qiegħda tibdel dak li kien finanzjarjament impossibbli għal dawn il-persuni għal realtà ġdida li tippermettilhom jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom.”
Huwa spjega li s-sena 2020 fissret emenda f’din l-iskema li permezz tagħha aktar persuni saru eliġibbli. “Din l-iskema llum qiegħda tilħaq aktar nies għaliex wessajna l-kriterja ta’ eliġibbiltà. Dan għamilnih għaliex fhimna li anke jekk għandek dħul tajjeb, il-piż finanzjarju li per eżempju jġorr miegħu lift xorta waħda jkun diffiċli għalihom li jixtruh.”
McKay ikkonkluda jgħid li din l-iskema issa qed tagħmel ukoll id-differenza fil-ħajja ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ li mingħajr dan l-investiment ma kienx ikollhom skola tal-mużika ddisinjata għall bżonnijiet tagħhom.