Ippubblikat l-Abbozz ta’ Liġi li jipproponi bidliet fil-kundizzjonijiet meħtieġa għad-divorzju

Il-Gvern Malti għadu kemm ippubblika l-Abbozz ta’ Liġi li jipproponi li jitnaqqas iż-żmien ta’ stennija biex persuna tikseb id-divorzju.

Il-Prim Ministru Robert Abela sema’ u aġixxa fuq il-problemi li kienu qed jiffaċċjaw persuni li jiġu bżonn din il-liġi. Għaldaqstant, ilbieraħ wara l-approvazzjoni tal-Kabinett, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet Ċivili u r-Riformi Rosianne Cutajar ressqet dan l-abbozz għall-ewwel qari tiegħu quddiem il-Parlament.

L-Abbozz ta’ Liġi jipproponi distinzjoni fit-termini ta’ żmien ta’ stennija għall-kisba tad-divorzju, bejn koppji li diġà jkunu separati legalment, u dawk li ma jkunux għadhom jgħixu flimkien bħala koppja miżżewġa.

Qed jiġi propost ukoll li għall-ewwel darba jkun hemm distinzjoni fil-perjodi ta’ żmien għat-tressiq ta’ talbiet għal divorzju li jsiru b’mod konġunt u dawk li jsiru b’mod unilaterali, minn persuni li mhumiex separati legalment.

Il-Gvern qiegħed jipproponi li fejn il-partijiet ikunu diġà separati legalment, jiġifieri b’sentenza tal-Qorti jew kuntratt, m’għandu jkun hemm l-ebda perjodu ta’ żmien ta’ stennija sabiex persuna tkun tista’ tagħmel talba għad-divorzju.

Min-naħa l-oħra, fejn il-partijiet ikunu biss separati de facto, u t-talba għal divorzju ssir miż-żewġ partijiet flimkien, l-istess partijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, iridu jkunu ilhom ma jgħixux flimkien bħala koppja miżżewġa għal mill-inqas sitt xhur mis-sena preċedenti. Fejn, iżda, it-talba ssir minn parti waħda kontra l-oħra, il-partijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, iridu jkunu ilhom ma jgħixux flimkien bħala koppja miżżewġa għal mill-inqas sena mis-sentejn preċedenti.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis tenna li l-bidliet hekk kif proposti mhux biss huma naturali u gradwali, wara għaxar snin mid-dħul tad-divorzju f’Malta bħala dritt ċivili, iżda huma wkoll bidliet neċessarji, li jirrispettaw il-ħajja privata tal-familji u individwi Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li dawn l-emendi jirriflettu l-ħtiġijiet soċjali tal-lum, u jimxu lil hinn mill-forzi konservattivi li, fl-2011, daħħlu fil-liġijiet ta’ Malta sistema ta’ divorzju riġida li tħalli lill-Maltin u lill-Għawdxin f’limbu, għall-perjodu twil ta’ żmien, qabel ma jkunu jistgħu jibdew ħajja ġdida.

Il-Gvern jinsab kommess li jkompli jwettaq ir-riformi u tibdiliet neċessarji sabiex kull individwu, mingħajr distinzjoni, jgħix f’pajjiż fejn id-drittijiet ċivili tiegħu jiġu rispettati b’mod assolut. Din il-ħidma hi xprunata mill-valuri ta’ Gvern li għandu għal qalbu, u jifhem, il-bżonnijiet tal-Maltin u Għawdxin.

Share With: