Ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti u l-Awtonomija Strateġika fuq l-aġenda tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa fil-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin li tlaqqa’ fi Brussell.

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin iltaqgħu biex jiddiskutu numru ta’ kwistjonijiet pertinenti fuq l-aġenda internazzjonali, fosthom ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti wara l-elezzjonijiet tax-xahar li għadda, u l-kunċett ta’ awtonomija strateġika. B’enfasi fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-Ministri ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fil-Georgia wara l-elezzjoni, l-elezzjonijiet fil-Venezwela, kif ukoll żviluppi reċenti fil-Lvant tal-Mediterran.

Fid-dawl tal-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem nhar l-10 ta’ Diċembru, il-Ministru Bartolo saħaq li l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tipprijoritizza d-drittijiet tal-bniedem jagħtiha aktar kredibilità. “Iżda, għal kuntrarju, inkunu biss qed nimminaw l-intenzjonijiet tajbin tagħna jekk nidhru li naġixxu biss kif u meta jaqblilna, skont il-konvenjenza u l-interessi individwali.”

Dwar ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti, il-Ministru Bartolo ddikjara li l-ħidma mal-amministrazzjoni l-ġdida teħtieġ approċċ pragmatiku billi għalkemm l-indikazzjonijiet huma pożittivi fir-rigward ta’ xeqliba politika, ir-rabtiet mal-Istati Uniti jiddependu mix-xenarju ġeo-politiku attwali. F’dan il-kuntest, huwa saħaq fuq l-importanza li l-UE tikkollabora mal-Istati Uniti f’oqsma ta’ politika internazzjonali, partikolarment fuq il-Libja, il-Lvant Nofsani u l-Iran, u dan dejjem fil-parametri tar-realtajiet politiċi prevalenti. Huwa żied li t-tisħiħ tal-multilateraliżmu fil-kuntest globali attwali huwa importanti daqs qatt qabel u l-UE għandha taħdem mill-qrib mal-Istati Uniti sabiex din terġa’ tieħu rwol aktar attiv f’organizzazzjonijiet internazzjonali.

Dwar l-Awtonomija Strateġika; kunċett li ħa spinta fl-aħħar xhur xprunat mill-konsegwenzi tal-pandemija; il-Ministru Bartolo qal li l-approċċ li l-UE tħares ’il barra huwa wieħed mill-virtujiet tagħha li għandha ssostnih. Huwa saħaq li bħala promotur tal-multilateraliżmu u sostenitur ta’ sistema ta’ kummerċ multilaterali b’saħħitha bbażata fuq ir-regoli, li tħares ’il ġewwa żgur ma tagħmilx l-Unjoni Ewropea aktar strateġika, jew iktar awtonoma.

Fil-marġini tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin, il-Ministru Bartolo pparteċipa fil-vidjokonferenza tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija.

Share With: