“Ironikament bil-kitbiet tagħha DCG kienet tgħin biex il-PL ikabbar id-distakk … Kont niddejjaq meta tattakkani personali”

Dalgħodu mistenni jagħti x-xhieda tiegħu l-eks Chief of staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri fl-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.

Huwa mistenni jiġi mistoqsi dwar l-irwol tiegħu fil-gvern immexxi mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat u r-relazzjoni li kummerċjali li kellu ma’ Yorgen Fenech, li qed jiġi msemmi b’kompliċità fl-imsemmi qtil. L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għal Schembri. 

L-inkjesta mistennija tagħlaq għada wara estensjoni li ngħatat mill-Prim Ministru Robert Abela.

9:30 a.m: Keith Schembri jieħu l-ġurament u jbus is-salib. Mistoqsi, l-eks Chief of Staff jgħid li qiegħed bil-police bail. Il-Bord jgħidlu li għandu d-dritt ma jwiġibx għad-domandi jekk jaħseb li bit-tweġibiet jista’ jinkrimina ruħu. Schembri jgħid li qed jiġi indagat fuq l-inkjesta li kienet infetħet fuq il-kummissjoni ta’ €100,000 fuq passaporti, u fuq chat bejnu u bejn Yorgen Fenech.

Mistoqsi fuq l-irwol tiegħu fil-politika, Schembri jgħid li kien il-Kulleġġ San Alwiġi mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Minn hemm bdiet relazzjoni fejn ħadmu flimkien fuq madwar 10 kampanji elettorali. 

Spjega kif wara r-riżultat tal-2013, Muscat qallu “Keith għandi bżonnok”. Schembri qal li kien pass diffiċli għalih meta rriżenja minn Direttur fil-kumpaniji tiegħu u ta kelmtu lill-Joseph Muscat.

Spjega dwar l-istrateġija tagħhom bħala parti minn tim akbar li kienu jemmnu li biex tqassam il-ġid l-ewwel trid toħolqu.

“F’seba’ snin irnexxielna nnaqqsu d-dejn tal-Gvern bin-nofs, ir-revenue nisploduh, nilħqu full employment, inżidu l-pensjonijiet, insomma litanija t’affarijiet,” tenna jgħid Schembri.

9.45 a.m: Rigward il-proġett tal-Electrogas, Schembri jgħid li l-pjan oriġinali kien jinkludi aktar minn proġett wieħed, iżda qal ukoll li l-analiżi tan-numri trid tkun fiha biex tara x’inhu possibbli li jsir u x’mhux.

“L-interconnector waħdu qatt ma seta’ jkun replacement; il-pajjiż qatt ma seta’ jistrieħ fuq l-interconnector biss,” kompla Schembri. Il-pożizzjoni tiegħu kienet li jżommu l-wegħda li jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Schembri jkompli jelabora u jgħid li l-housing kien ta’ uġigħ ta’ ras għall-gvern Laburista.

10:15 a.m: Hekk kif kompla jwieġeb għal domanda wara l-oħra, Schembri joħroġ karta mill-file li ppreżenta miegħu u qal li ilu inkjesta sħiħa jisma’ li persuni ppreżentaw ruħhom “kulħadd jiġi hawn, jivvinta u jħarref fuqi.” Żied jgħid li ilhom snin jgħidu li hu ħa kickbacks fuq passaporti u ladaba ħarġet l-inkjesta hu talab għal full discolsure u li parti minnha tgħid li m’hemm ebda evidenza li hu qatt ħa xi kickbacks minn dawn imsemmija. Żied jgħid li hu ilu jixtieq li din tiġi ppreżentata kollha.

Tkellem dwar l-iffriżar tal-assi kollha tiegħu li uliedu li għandhom 15 u 17-il sena spiċċaw bla stipendju, xi ħaġa li affettwatu ħafna.

Ix-xhud jgħid li fl-2013, meta daħal fil-politika, fetaħ trust mal-Bank of Valletta fejn kien qed jitfa’ l-assi tiegħu u eventwalment kien se jpoġġi l-assi kollha hemmhekk. Avviċinawh xi nies li qalulu li l-PN jaf b’dik it-trust u x’inhu jagħmel.

L-eks Chief of Staff jgħid li l-parir li ngħata kien li jżomm mal-pajjiżi fil-Commonwealth minħabba diversi raġunijiet. Tawh żewġ għażliet: New Zealand jew Singapore. Iddeċieda li jagħżel l-ewwel wieħed.

10:30 a.m:

Schembri jgħid li kemm-il darba ħaseb li jerġa’ jmur lura għan-negozju u mingħajr ma jkun arroganti qal li ma kellux bżonn il-politika biex jagħmel il-flus għax “li kelli bnejtu waħdi, kelli viżjoni”. 

Dwar Panama Papers, Schembri qal li hu kien spjega l-pożizzjoni tiegħu lil Muscat u li dan kien aċċettaha. Rigward jekk tkellimx ma Mizzi, x-xhud wieġeb li iva, iżda qatt ma ħadu deċiżjonijiet flimkien għax ma jaħsbuhiex l-istess.

Rigward Egrant huwa qal li m’għandux għalfejn jiddubita l-inkjesta u li din kienet waħda mix-shell companies f’isem Tonna li baqgħet ma ntużatx.

Therese Comodini Cachia tistaqsi lil Schembri fuq il-fatt li hu qal li Nexia BT iddeterminaw l-ammonti li l-kumpanija tiegħu kellha tibda tirċievi. Tistaqsih jekk iddeterminawx ukoll il-klijenti tal-kumpanija. Qal li l-klijenti ewlenin meta nfetħet il-Kumpanija kienu 17 Blck u Macbridge.

Isostni l-argument tiegħu u jgħid li Macbridge ma jafx ta’ min hi u li m’għandux spjegazzjoni kif din spiċċat main client tiegħu. Jgħid li l-awdituri għażluha mingħajr ma indikalhom hu.

Comodini Cachia tistaqsi lix-xhud dwar ir-relazzjoni ma’ Nexia BT u hu x-xhud iwieġeb li din bdiet sa minn meta kellu 17-il sena sakemm għalqu l-bibien.

10:45 a.m: Schembri jgħid li ma jistax jagħti d-data ta’ meta ta l-istruzzjonijiet biex jiftħu kont il-Panama. Jgħid li l-istruzzjoni tahielhom bil-fomm. Comodini Cachia tippressah biex ifittex mandat li seta’ ffirma u hu Schembri jgħid li kienu ħadulu l-laptop. Mistoqsi meta ffirma l-akkwist ta’ Tillgate, Schembri jgħid li ma jiftakarx u li bħalha għandu mal-20 oħra. Il-Bord jistaqsi lil Schembri kif jispjega li Nexia BT fetħet il-kontijiet ta’ Schembri u Mizzi b’mod parallel. Ix-xhud iwieġeb li hu qatt ma kellu interess li joqgħod jgħidlu x’kien se jagħmel.

Ix-xhud isemmi wkoll kumpaniji li kellu fl-Ingilterra u f’Ċipru. Jżid li fil-British Virgin Islands kellu xi kontijiet li setgħu kienu f’ismu jew f’isem il-kumpaniji. 

Joseph Muscat sar jaf bl-istrutturi li kellu x-xhud fil-Panama u fi New Zealand wara li ħarġu l-Panama Papers. Schembri jgħid li ħaġa normali li negozjant ikollu kumpanija barra minn Malta.

11:00 a.m: Schembri jagħmilha ċara li hu qatt ma għamel xejn minn wara dahar il-Prim Ministru. Dwar meta kellu l-kanċer, ix-xhud jgħid li li kien għalih kien jippakkja u jitlaq għax ma kellux moħħ. Qal li meta kien wasal fl-aħħar tat-terapija, Muscat kien kkuntattjah u qallu li, jekk jiflaħ, kellu bżonnu.

Ix-xhud kompla biex jgħid li hu qatt ma immaġina li kien se jdum daqshekk fil-kariga ta’ Chief of Staff bil-Prim Imħallef jirribatti li mela kien ħoloq ħafna inkwiet bla bżonn. Schembri jirrispondi li l-inkwiet inħoloq fuqu u li meta jaħseb jgħid li ma kinitx worth it, iżda biex jikkonsla jħares lejn in-numri. “Gvern korrott ma joħloqx surplus”, żied Schembri.

11:30 a.m: Mistoqsi dwar jekk qattx kellu negozju ma’ Yorgen Fenech, filwaqt li jwieġeb li le. ix-xhud żied jgħid li hu qatt ma nnega li Fenech kien ħabib tiegħu.

Tiżdied it-tensjoni hekk kif ix-xhud ikompli jwieġeb għall-mistoqsijiet. Schembri jinnota lil Comodini Cachia titbissem u jgħid li mhu jgħid xejn tad-daħk. 

Comodini Cachia twieġbu l-fatt li c-Chief of Staff prova jidħak bil-pajjiż huwa tad-daħk u Schembri jwieġeb li hu kburi bil-pajjiż u li “jkun qed jidħak bil-pajjiż min imur imaqdru barra minn xtutna”.

Qal ukoll li ħafna nies sabuha faċli jikkummentaw fuqu għax hu baqa’ fommu sieket, iżda ammetta li li kieku ma ntalabx jixhed kien se jitlob biex jagħmel dan hu stess. “Faċli tħammeġ”, kompla x-xhud filwaqt li rrefera għall-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia li kontinwament kitbet dwar kickbacks li l-inkjesta provat li qatt ma kellu.

12:00 p.m: Mingħajr ma jindaħal lill-bord, ix-xhud jistaqsi jekk huwiex se jitressaq l-eks kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia minħabba allegazzjonijiet li kienet għamlet fuqu Daphne Caruana Galizia.

Qal li Delia kien jokkupa kariga għolja fil-pajjiż u li s-sinjura Galizia kienet għamlet allegazzjonijiet dwar kont bankarju li kellu f’Jersey.

Il-Bord iwieġeb li għadu qed jikkunsidra jekk iressaqx lil Adrian Delia.

12:15 p.m: Mistoqsi fuq Crane Currency, jgħid li l-kumpanija tiegħu tipprovdi manutenzjoni għall-magni tagħhom u li jħossu kburi li ġab dan ix-xogħol f’Malta.

12:30 p.m: Mistoqsi dwar falsifikazzjoni ta’ firem, ix-xhud jgħid li jieħu pjaċir li jissemmew firem foloz. Qal li meta tibda tara gideb sfrenat li ngħad. Eżempju “fl-Egrant kien hemm falsifikazzjoni tal-firem,” kompla Schembri. Comodini Cachia tistaqsih fil-kwistjonijiet tiegħu kienx hemm firem foloz, u hu jgħid li sa fejn jaf hu, ma kienx hemm.

2:30 p.m: Wara waqfa mis-smigħ, Keith Schembri daħal lura fl-awla biex iwieġeb aktar mistoqsijiet. Is-suġġett reġa’ lura fuq il-powerstation u dwar l-involviment tax-xhud. Huwa wieġeb li ried li l-proġett jitlesta kemm jista’ jkun malajr biex tinżamm il-wegħda li jitraħħsu l-kontijiet.

Rigward ir-relazzjoni mal-Ministri huwa qal li meta kien ikun hemm xi intoppi kienu jikkonsultawh.

Dwar Egrant, Schembri jwieġeb li ċert li Maria Efimova gidbet dwar relazzjoni li ma kinitx teżisti bejnu u bejn Ali Sadr, “ċert mija fil-mija li gidbet bħalma gidbet fuq affarijiet oħra.” Intant huwa kkonferma li hu kien mistieden għat-tieġ ta’ Ali Sadr bħala Chief of Staff tal-PM.

3:00 p.m: Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino jirreferi għall-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia, u għall-kampanja intenzjonata li ssikket lill-ġurnalista. Schembri jwieġeb li qal li l-PN fl-aħħar seba’ xhur tal-kitba tagħha kellu kliem dispreġjattiv fid-direzzjoni ta’ Caruana Galizia li qatt ma sar mill-PL.

Dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ DCG huwa qal li kellu żewġt ikpiepel, Keith Schembri u familtu u l-maniġer fit-tmexxija tal-PL. Huwa qal li ironikament kull meta kienet tikteb b’mod iebes fuq il-PL, id-distakk kien jiżdied, iżda ovjament meta kienet tattakka lilu personali kien jiddejjaq.

Huwa qal li fuqha ma jaqbilx ma’ li qal il-PM għax ma kinitx irrelevanti. Żied jgħid li għalih kienet relevanti ħafna għax xogħlu kien li jwassal il-PL għar-rebħ u ironikament kienet tgħinnu.

3:15 p.m: Mistoqsi dwar l-involviment tal-FBI fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil, Schembri qal lill-Prim Ministru li jekk ma kinux se jġibu għajnuna minn barra kien se jispiċċa każ ieħor li ma jissolviex.

Minn hemm jgħid li bdiet sena “tat-twerwir” li fiha kellu jpoġġi s-siġu l-ewwel u kienet iebsa li ma seta’ jiftaħ qalbu ma’ ħadd.

Comodini Cachia tistaqsi lix-xhud fuq konverżazzjoni bejnu, Joseph Muscat u Yorgen Fenech. Schembri jgħid li ma jafx meta bdiet il-konverżazzjoni bejnu, Fenech u Muscat, u min bdieha.

Share With: