Issa l-ġenituri jistgħu jirreġistraw lil uliedhom għall-Kindergarten online

Kif ħabbret il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana l-Ħamis stess meta kienet qed iżżur l-Iskola Primarja Laura Vicuna, fl-Għasri, Għawdex, b’mod immedjat dawk il-ġenituri li jridu jirreġistraw lit-tfal tagħhom għad-dħul fil-Kindergarten fi Frar li ġej issa jistgħu jagħmlu dan b’mod virtwali.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jfakkar li t-tfal li jagħlqu 3 snin sa’ April 2021 għandhom jiġu rreġistrati biex jibdew il-Kindergarten 1 fi Frar li ġej, sat-Tnejn 4 ta’ Jannar 2021.

Dan issa jista’ jsir online permezz tas-sit servizz.gov.mt, wieħed ifittex “Edukazzjoni, Xjenza u Teknoloġija”, “Servizzi Edukattivi”, “Edukazzjoni Primarja u Sekondarja”, “Dħul fl-Iskejjel tal-Istat f’Malta” u f’din il-paġna taħtnett isib il-kelma “Applika” (Apply). Wara li timtela l-formola kollha, wieħed jissottometti u b’mod virtwali jkun għamel l-applikazzjoni.

Il-Ministru Justyne Caruana sostniet li bħala ministeru dejjem infittxu li ngħinu u nagħmlu l-ħajja tal-ġenituri tal-istudenti tagħna aktar faċli, għalhekk il-Ministeru ħaseb biex kemm minħabba dan iż-żmien ta’ restrizzjonijiet tal-COVID, imma wkoll billi ninsabu fil-jiem tal-festi, ngħinu lil dawn il-ġenituri biex b’mod faċli jkunu jistħu jibgħatu l-applikazzjoni għad-dħul tat-tfal tagħhom fil-Kinder 1 fi Frar li ġej.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li kif il-ministeru għamel minn kollox biex f’Ottubru li għadda bdiet u kompliet b’suċċess is-sena skolastika li ninsabu fiha, qed issir ħidma wkoll għall-ftuħ tal-kindergarten li wkoll se jkunu mħarsa u protetti bil-miżuri kollha li ddaħħlu fil-bidu ta’ din is-sena skolastika.

Dawk il-ġenituri jew kustodji li jkollhom bżonn għajnuna biex japplikaw online, jistgħu jċemplu fuq in-numru 153.

Share With: