It-tisħiħ tal-immunità

Kollaborazzjoni miġjuba lilkom minn Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, BSC (Hons) Rad; M.D. (Radjografa u Tabiba); Ms. Claire Ciantar, M.A. T.Couns.(Melit.); M.A. Couns.Psy, Ed.Psy, Couns.Ed.(UMD); B.Psy. (Hons)(Melit.); A.Dip. C.T.(VTċT); H.Dip. C.T.(VTCT) (Counsellor u Complementary Therapist) u Ms. Christine Busuttil, MSC Nutrition (State Registered Nutrition Therapist)

1) Huwa magħruf li n-nutriżżjoni hija parti importanti ferm, sabiex tissaħħaħ is-sistema immunitarja tagħna. X’inhuma l-eżempji tal-ikel li nistgħu nieklu sabiex inżidu s-sorsi ta’ Vitamina C, Vitamina D u z-zinc, li nstabu li qed jgħinu ħafna kontra l-imxija tal-Covid-19?

Il-Vitamina C hija meqjusa bhala l-“powerhouse” tas-sistema immunitarja tagħna, għax kapaċi tipprovdi protezzjoni kontra l-viruses, u l-bakterja, però ġisimna mhux kapaċi jipproduċiha. Sorsi bnini li huma rikki fil-Vitamina C jinkludu l-larinġ, il-lumi, il-frawli, il-kiwi, id-dulliegħa, it-tursin, il-karfus u s-‘sweet potato’.

Il-Vitamina D wkoll kapaċi ssaħħaħ is-sistema immunitarja, però huwa fatt magħruf li ’l fuq minn 57% tal-Maltin, għandhom livell baxx fis-sistema tagħhom. Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed jagħmel minn tal-inqas kwarta kuljum espost għar-raġġi tax-xemx, u kif ukoll jiekol ikel rikk fil-Vitamina D, bħall-bajd, ħut żejtni, prodotti tal-ħalib, faqqigħ tat-tipi “button” jew “Portobello”, u kif ukoll ċereali msaħħin, u numru ta’ ġewż/lewż.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas insibu l-mineral taz-zinc, li huwa antiossidant qawwi, li jgħin biex iżomm is-sistema immunitarja tagħna taħt kontroll, u kif ukoll inaqqas iż-żmien u s-severità ta’ rjieħat staġjonali. Fost sorsi naturali li fihom iz-zinc insibu l-frott tal-baħar, il-legumi u l-għads, il-ġewż/lewż, żrieragħ, laħam, bajd u grani ċereali. 

2) X’inhuma l-iktar 10 ingredjenti li huma meqjusa li jservu bhala “mega-immunity boosters”? U għandkom xi ideat ta’ kif wieħed jista’ jinkorpora l-frott u l-ħaxix, b’mod iktar kreattiv, forsi li jħajjar anke lit-tfal jikluh mingħajr ebda problemi?

L-asparagus, il-basal, il-broccoli, il-faqqigħ, iz-zunnarija, il-kaboċċi, il-pastard, il-bżar ikkulurit, it-tewm u l-qargħa ħamra huma kollha meqjusa bħala “powerhouses” għas-sistema immunitarja tagħna, minħabba li għandhom livelli għoljin ħafna ta’ antiossidanti, jgħinu liċ-ċelloli tagħna jirriġeneraw malajr, u kif ukoll jipproteġuna minn infezzjonijiet kkawżati minn viruses, batterji u moffi.

L-“ismoothies” jistgħu jservu bħala l-iktar metodu prattiku u kreattiv, fejn wieħed faċilment jista’ jinkorpora l-ħames sorsi ta’ frott u ħaxix li għandna nieħdu kuljum, f’tazza waħda. Tant hu sempliċi biex isir, li anke t-tfal jistgħu jgħinu biex jiġu magħmula b’ingredjenti varji kuljum.

Hawn isfel għandkom issibu riċetta ħafifa ta’ smoothie tal-avocado u l-kiwi li tinkorpora xi wħud mill-ingredjenti bnini li diġà għamilna referenza għalihom:

Ingredjenti meħtieġa:

  • 4 kiwi
  • 1 avocado
  • ½ juice tal-lime
  • 300ml ħalib tas-soya
  • 60ml ħalib tal-coconut
  • 4 kubi tas-silġ

Metodu: Qaxxar il-kiwi u l-avocado, u għasar il-lime. Poġġi l-ingredjenti kollha fil-blender, u ħawwad fuq ‘speed’ għoli sakemm jiġi konsistenża ta’ smoothie. Ferra f’tazza, u servih b’fergħa ta’ larinġa jew frawla fuq il-wiċċ tat-tazza.

3) Tirrakomandaw li wieħed jieħu supplimenti tal-vitamini u minerali?

Idealment, wieħed għandu jġib is-sorsi primarji ta’ vitamini u minerali minn ikel bnin, bħall- frott u ħaxix, u kif ukoll mix-xemx. Però, jaf jagħti l-kas li d-dożi rakkomandati għal kuljum ta’ ċerti minerali u vitamini xorta ma jintlaħqux. Kif ukoll, min jpejjep, hu alkoħoliku jew għaddej minn perjodi ta’ stress fiżiku jew mentali jaf ikollu il-livelli ta’ dawn il-mikro-nutrijenti f’ġismu baxxi ħafna. Għaldaqstant, wieħed ikun jista’ wkoll jissupplixxi dawn id-dożi meħtieġa minn pilloli apposta. 

Però, jekk wieħed ibati minn kundizzjonijiet kroniċi, bħal dawk relatati mal-qalb, kliewi, thyroid, parathyroids, jew kanċer, għandu dejjem jirrirkorri għand it-tabib tiegħu, qabel ma jibda xi tip ta’ supplimenti biex jiddiskuti liema tipi ta’ vitamini u minerali huma l-ideali għalih, mingħajr ma’ joħolqu żbilanċ, jew inkella reazzjoni ma’ pilloli oħrajn li jkun qed jieħu biex jirregolara xi kundizzjonijiet oħrajn.

4) Apparti milli nagħmlu eżerċizzji fiżiċi regolari u nqattgħu xi ftit ħin għall-arja u r-raġġi tax-xemx, hemm xi metodi naturali oħrajn li nistgħu nagħmlu mid-dar, sabiex innaqqsu l-istress u norqdu irqad san?

Il-meditazzjoni tirrilassa l-ħsibijiet kif ukoll il-fiżjoloġijja tal-ġisem tagħna u għaldaqstant tgħin sabiex il-ġisem ikollu l-ispazju u l-ħin meħtieġ biex isaħħaħ is-sistemi difensivi tiegħu.  Hemm ħafna filmati fuq l-Internet li jistgħu jgħinu biex wieħed jitgħallem jimmedita. Il-mużika, il-qari, ix-xogħol tal-idejn, l-aromaterapija u delizzji oħrajn ukoll jistgħu jassistu sabiex jitnaqqas l-istress.

Share With: