Jibqgħu jinżammu fil-kustodja tal-Pulizija ż-żewġt irġiel arrestati lbieraħ b’rabta ma’ sejba ta’ droga f’Raħal Ġdid

13.29: Żewġ irġiel baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv b’rabta mas-sejba ta’ aktar minn 5 kilogrammi kokaina.

Huma tressqu separatemnt il-Qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo dimech. L-ewwel li tressaq kien Dean Martin ta’ 40 sena mill-Ħamrun, li fil-Qorti qal li ma jaħdimx. Huwa ġie akkużat b’assoċjazzjoni, traffikar u pussess ta’ kokaina, li kien fil-pussess ta’ eroina, u naqas milli jħares il-kundizzjonijiet li bihom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Id-Difiża talbet għal ħelsien mill-arrest tal-imputat bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tar-reat u l-fatt li mhux eskluż li jitressqu peruni oħrajn b’rabta mal-istess każ.

Il-Qorti wara li semgħet il-partijiet jittrattaw it-talba u l-fedina penali tal-imputat u l-fatt li għad baqa’ xhieda li għad iridu jixhdu ordnat li l-imputat jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.

Dean Martin kien assistit minn Dr Roberta Bonello.

Warajh tressaq Melvin Debono ta’ 29 sena minn Raħal Ġdid li jaħdem bħala car dealer li ġie akkużat b’assoċjazzjoni, traffikar u pussess tad-droga kokaina. Huwa kien akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus, li kellu fil-pussess tiegħu droga kannabis, bi ksur tal-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest, u li kien reċidiv.

Id-difiża talbet għall-ħelsein mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda mill-Qorti wara li qieset il-fedina penali tiegħu, li għad iridu jixhdu diversi xhieda pajsana u minħabba li ma kinitx konvinta mill-affiddabiltà tal-imputat.

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Debono.

Il-Qorti fiż-żewġ każi ordnat li jiġu ssekwestrati l-assi kollha taż-żewġ imputati.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark ANthony Mercieca, Steven Ryan Micallef, u Omar Caruana.

Il-każ fil-konfront tagħhom mistenni jibda jinstema’ għada fl-10.30 a.m.

10.05: Fil-ħin li ġew se jkunu qed jitressqu l-Qorti ż-żewġt irġiel li lbieraħ kienu arrestati b’rabta ma’ sejba ta’ droga f’Raħal Ġdid.

Iż-żewġt irġieli kienu arrestati wara diversi ġimgħat ta’ osservazzjoni. Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga assistiti mill-Pulizija tal-Ispecial Intervention Unit u tar-Rapid Intervention Unit wettqu l-operazzjoni kontra t-traffikar tad-droga fi Triq Melita, fejn interċettaw karozza li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 40 sena residenti l-Ħamrun. Passiġġier miegħu kien hemm ukoll raġel ta’ 29 sena residenti Raħal Ġdid.

Minn tfittxija li saret fil-vettura u fuqhom instabu madwar żewġ kilogrammi ta’ sustazna suspettata droga kokaina, ċwievet ta’ karozzi u iżjed minn €8,500 fi flus kontanti.

Il-ħidma tal-Pulizija tkompliet f’residenza fl-istess triq u f’garaxx fi Triq Sant’Ubaldeska f’Raħal Ġdid, proprjetà tar-raġel ta’ 29 sena.

Fid-dar instabu sustanzi suspettati kokaina u ħaxixa, madwar €100,000 f’deheb u ġojjellerija, u madwar €78,000 fi flus kontanti, filwaqt li mill-garaxx il-Pulizija kkonfiskaw Range Rover Sports u Mercedes E63 li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar €250,000.

Il-Pulizija għamlu wkoll tfittxija f’garazz fi Triq il-Qaddiefa l-Marsa, proprjetà tar-raġel ta’ 40 sena, u nstabu madwar 3.5 kilogrammi ta’ sustanza suspettata kokaina.

Il-valur fit-triq li kienu din id-droga kollha nbiegħet kienet tlaħħaq it-€350,000.

Share With: