Jitlesta r-restawr tal-pavimentar tal-Batterija tas-Salut

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera inawguraw investiment ta’ €100,000 f’xogħol konġunt li sar bejn Infrastructure Malta u Fondazzjoni Wirt Artna biex il-pavimentar tal-Batterija tas-Salut fil-Barakka ta’ Fuq reġa’ ngħata d-dehra ta’ kif kien meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann bnewh fis-seklu 16.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “Qegħdin kontinwament ninvestu f’dawn it-tip ta’ xogħlijiet għaliex bħala gvern nemmnu u fuq kollox inħaddnu dak is-sens ta’ ħtieġa li nippreservaw dak li ħallewlna missirijietna. Postijiet bħal dawn jagħmlu parti minnha, parti mill-identità u l-istorja ta’ pajjiżna u għalhekk b’rasi mgħollija ngħid li dan hu gvern li jirrispetta l-wirt ta’ pajjiżu u ninsabu kommessi li se nibqgħu ninvestu f’dawn it-tip ta’ xogħlijiet u proġetti ta’ restawr u preservazzjoni sabiex il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jirtu Malta fl-aqwa kundizzjoni u kwalità possibli.”

Dan l-intervent sar minħabba li l-ilma mill-irrigazzjoni li kien qed jinżel fis-swar ta’ taħt, kien qed jgħarraq il-Kmamar tal-Gwerra ta’ Lascaris, wieħed mill-aktar siti importanti tal-istorja tat-Tieni Gwerra Dinjija ta’ Malta, u beda jikkawża ħsarat estensivi fl-istruttura u r-relikwi militari tagħha.

Fondazzjoni Wirt Artna ddisinjat il-pavimentar il-ġdid tal-Batterija tas-Salut bl-istess stil li nsibu f’fortifikazzjonijiet oħra tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u tal-Perjodu Ingliż filwaqt li Infrastructure Malta poġġiet iċ-ċangaturi l-ġodda tal-pavimentar. Il-ġebel inqata’ u tqiegħed b’mod li jifforma mudell konċentriku li jikkonverġi lejn żewġ punti ċentrali fin-nofs tal-pjattaforma. Infrastructure Malta naddfet u ħadmet sabiex pavimentar eqdem li kien idawwar iż-żewġ meded tal-ħaxix jiġi jaqbel maċ-ċangaturi l-ġodda. Fondazzjoni Wirt Artna issa se ssebbaħ iż-żona b’siġar u pjanti biex jitnaqqas ir-riskju li jiġu kkawżati aktar ħsarat minħabba l-ilma lis-swar u l-kmamar tal-gwerra ta’ taħt.

Il-Ministru José Herrera tenna li l-investiment li bħala gvern qegħdin nagħmlu fil-wirt nazzjonali tagħna huwa neċessarju biex pajjiżna mhux biss ikompli japprezza u jħares il-patrimonju tagħna imma jassigura li nkunu qegħdin noffru valur akbar lill-identità tagħna bħala nazzjon. Huwa pożittiv li bħala gvern qegħdin dejjem aktar inkomplu nwettqu proġetti flimkien ma’ msieħba ewlenin f’dan il-qasam, proġetti li huma msawra fuq l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ dawn l-imsieħba.

F’kollaborazzjoni oħra simili, is-sena l-oħra Infrastructure Malta ħawlet ‘il fuq minn 1,100 siġra fl-artijiet tal-Forti Rinella, fil-Kalkara, sit storiku ieħor taħt l-operat ta’ Fondazzjoni Wirt Artna. Dawn is-siġar eventwalment se jiffurmaw parti minn eko-park tal-familja. Iż-żewġ organizzazzjonijiet qed jippjanaw diversi proġetti konġunti oħra biex ikomplu jippreservaw il-wirt kulturali ta’ Malta fis-snin li ġejjin.

Share With: