Jum ir-Repubblika ċċelebrat f’Għawdex

Is-46 anniversarju minn meta Malta saret Repubblika ġie ċċelebrat f’Għawdex ilbieraħ filgħaxija b’kunċert li ntemm b’diskors mill-President ta’ Malta George Vella. Il-kunċert, minn tliet solisti tas-Soċjetà Filarmonika La Stella tar-Rabat ta’ Għawdex sar fi Pjazza Indipendenza u ġie organizzat mill-Kumitat Ċelebrazzjonijet Nazzjonali u Reġjonali flimkien mal-Unità tal-Kultura fil-Ministeru għal Għawdex.

Filwaqt li sellem lil dawk kollha li matul is-snin ħadmu fil-qasam politiku, f’dak soċjali, u f’dak spiritwali biex pajjiżna wasal fejn wasal illum, il-President osserva li Malta hija xxurtjata li kellha nies li kellhom mhux biss il-kapaċità iżda wkoll id-dehen. Fakkar li, kull meta l-Maltin ngħaqdu flimkien, kienu kapaċi jaslu fejn xtaqu.

Id-diskors tal-President, iżda, iffoka l-aktar fuq il-preżent u fuq il-futur, kif ukoll fuq il-bżonn li bħala poplu nitgħallmu mill-għeltijiet tagħna u niżguraw li jkollna awtorità morali fuq ħaddieħor. Saħaq li r-Repubblika ksibniha 46 sena ilu, iżda llum il-ġurnata ħadd ħliefna mhu responsabbli għaliha. Huwa esprima l-biża’ tiegħu li, minkejja l-għanijiet u l-miri kollha li jista’ jkollna għas-snin li ġejjin, hemm affarijiet li jekk mhux se nirranġawhom se jxekkluna milli naslu fejn nixtiequ. F’dan il-kuntest, enfasizza l-importanza li, speċjalment għax m’għandniex riżorsi ħlief dawk umani, ninvestu bil-qawwi fl-edukazzjoni sabiex noħorġu l-potenzjal taż-żgħażagħ u, b’hekk, inkunu nistgħu naslu fejn nixtiequ.

Anki f’din l-okkażjoni, il-Kap tal-Istat esprima d-dieqa tiegħu dwar il-fatt li l-poplu Malti huwa pikuż iżżejjed, mhux f’sens pożittiv iżda b’mod distruttiv, u li fil-pajjiż teżisti firda aktar minn qatt qabel.  “Jekk f’dal-pajjiż mhux se jkollna l-għaqda bejnietna, jekk mhux se jkollna l-ħidma flimkien, inkunu qegħdin naħlu ħafna enerġija u nkunu qegħdin naħlu dak li nistgħu nużawh mhux biex nimxu lura jew nibqgħu fejn inkunu, iżda biex nimxu ‘l quddiem.” Huwa għamilha ċara li dan ma jfissirx li ma jkollniex pika, inkluża dik politika, iżda din għandha l-limiti tagħha. Minflok nipprovaw inkissru jew neqirdu lil min ma jaqbilx magħna, għandna nagħmlu minn kollox biex, minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, naħdmu flimkien għall-ġid komuni.

Il-President irrimarka li, minkejja l-impressjoni ġenerali li l-mexxejja tal-pajjiż jiddettaw dak li għandu jiġri, huma jirreaġixxu wkoll għal dak li jitlobhom u jurihom li jrid il-poplu. Jekk il-poplu jesiġi l-korrettezza, it-trasparenza, u l-akkontabilità mingħand min ikun qed imexxi, bla dubju ta’ xejn il-mexxejja jkollhom jagħtu widen u jieħdu azzjoni skont ix-xenqa tal-poplu. Huwa appella biex nitgħallmu mill-passat; naraw x’għamilna tajjeb u nagħmlu minn kollox biex nadottaw dak li hu dritt u dak li hu korrett.

“Fejn nistgħu nwittu ċerti toroq u niddrittawhom, u nneħħu ċerti affarijiet li qed jagħmlulna l-ħsara u jfixkluna, nagħmlu minn kollox biex naslu. Imbagħad, hemmhekk, inkunu nistgħu niftaħru li aħna pajjiż edukat, pajjiż ċivilizzat, u pajjiż li politikament huwa magħqud u jaf fejn irid imur. Meta jkollok l-għanijiet tiegħek u poplu magħqud, allura tista’ titkellem b’wiċċek minn quddiem fil-fora internazzjonali fuq il-valuri ta’ kif għandhom jitmexxew il-pajjiżi tad-dinja. Ma nistgħux immorru niddettaw lil ħaddieħor fil-fora fejn ikunu qegħdin… imbagħad inħarsu lejn x’qed jiġri f’pajjiżna, jew jgħidulna biex naraw x’qed jiġri f’pajjiżna u jġegħluna nistħu. Jien dan qed ngħidu b’animu sinċier, minn qalbi, u nixtieq li dal-messaġġ jasal ħalli nimxu ‘l quddiem u, sena wara sena, niġu u niftaħru li lir-Repubblika saħħaħniha mhux biss bl-isem imma bil-fatti.”

Share With: