Każi f’Malta tal-varjant tal-Covid-19 li nstab fir-Renju Unit

Il-varjant tal-Covid-19 li nstab fir-Renju Unit ġie issa reġistrat ukoll f’Malta. Ikkonferma dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’kumment li għamel fuq Twitter.

Fearne kkonferma li l-każi huma iżolati u kull persuna li ġiet f’kuntatt mal-każi jinsabu f’iżolament.

Aktar kmieni dan ix-xahar il-Gvern iddeċieda li jissospendi t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit. Dan fid-dawl tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19 li nstab f’pazjenti f’dan il-pajjiż.

Minkejja s-sospenzjoni tat-titjiriet, Maltin u persuni residenti f’Malta, li jinsabu fir-Renju Unit preżentament, se jingħataw l-opportunità li jirritornaw lura Malta, madanakollu, se jkunu soġġetti għal PCR test mal-wasla tagħhom f’pajjiżna u għal kwarantina obbligatorja ta’ 14-il jum.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li din id-deċiżjoni hija waħda temporanja anke għax l-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin qegħdin isegwu mill-qrib l-iżviluppi fir-Renju Unit filwaqt li qegħdin jipparteċipaw f’diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea dwar din is-sitwazzjoni biex eventwalment anke jkun hemm pożizzjoni u direzzjoni mill-istess Unjoni. Minkejja li l-varjant il-ġdid jinfirex iżjed malajr, jidher li dan mhux wieħed perikoluż u li l-effetti tiegħu huma simili għall-virus eżistenti.

Ir-rata ta’ kemm il-varjant il-ġdid jinfirex hija 70% ogħla

Is-Segretarju tas-Saħħa tar-Renju Unit Matt Hancock wissa li l-varjant il-ġdid tal-Covid-19 “tilef il-kontroll”. Huwa qal dan fl-istess jum li r-Renju Unit kiser ir-rekord ta’ numru ta’ każi ta’ Covid-19 f’ġurnata waħda u rreġistra 35,928 każ ġdid.

Aktar minn 16-il miljun Brittaniku issa huma mġiegħla jibqgħu d-dar hekk kif il-Ħadd daħal fis-seħħ lockdown f’Londra u fix-Xlokk tal-Ingilterra.

Il-Prim Ministru Boris Johnson oriġinarjament kien ippjana li jnaqqas ir-regoli marbuta mal-imxija tal-Covid-19 għal ħamest ijiem matul il-vaganzi, iżda biddel il-pjan, wara taħditiet ta’ emerġenza dwar il-mutazzjoni tal-virus mal-ogħla uffiċjali tiegħu, f’tentattiv biex jikkontrolla l-varjant il-ġdid tal-virus milli jinfirex malajr..

Evidenza xjentifika emerġenti tgħid li l-varjant il-ġdid, li s-Segretarju tas-Saħħa Hancock qal li deher ukoll fl-Awstralja u fl-Ewropa kontinentali, jista’ jinfirex b’mod sinifikanti aktar malajr tant li qiegħed jiġi rrappurtat li r-rata’ ta’ kemm jinfirex hija 70% ogħla.

It-tilqim kontra l-Covid-19 għandhom iżommu l-effettività tagħhom

Minkejja li jinfirex iżjed malajr, skont dak li ħareġ mill-ewwel analiżi, il-varjant il-ġdid ma jidhirx li huwa aktar perikoluż minn dak dominanti s’issa u t-tilqim immanifatturati kontra l-Covid-19, kemm dawk diġà approvati minn diversi awtoritajiet tas-saħħa fid-dinja, kif ukoll dawk fil-produzzjoni, għandhom ukoll iżommu l-effettività tagħhom kontra dan il-varjant ġdid.

Intant, fl-aħħar ħin l-Italja wkoll irrappurtat l-ewwel każ tal-varjant tal-virus tal-Covid-19. Il-Ministeru tas-Saħħa tal-Italja qal li l-pazjent u s-sieħba tiegħu, li flimkien irritornaw mir-Renju Unit fl-aħħar jiem b’titjira li waslet fl-ajruport ta’ Fiumicino, jinsabu iżolati u segwew, flimkien ma’ membri oħra tal-familja u kuntatti mill-qrib, il-proċeduri kollha stabbiliti mill-Ministeru tas-Saħħa.

Sit internazzjonali qal ukoll li l-varjant il-ġdid diġà ġie identifikat f’pajjiżi oħra Ewropej minbarra l-Gran Brittanja, inklużi d-Danimarka, l-Olanda u l-Awstralja. L-istess rapporti qalu li minħabba t-trażmissjoni għolja tiegħu, huwa probabbli ħafna li jinstab ukoll f’pajjiżi oħra fil-jiem li ġejjin.

Share With: