Kien jaqla’ €200 ta’ kull kilo droga li kien jgħaddilu

Tibda l-kumpilazzjoni kontra Melvin Debono u Dean Martin b’rabta mas-sejba ta’ 5.5 kilo kokaina

Dean Martin kien stqarr mal-Pulizija li Melvin Debono kien jagħtih €200 għal kull kilo droga li kien jgħaddilu u li din il-prassi kienet ilha x-xhur issir, b’medja ta’ darba jew tnejn fl-ġimgħa.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Mark Anthony Mercieca meta bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Martin u Debono li jinsabu mixlija b’assoċjazzjoni, traffikar u pussess tad-droga kokaina. 

Martin waħdu kien mixli li kellu fil-pussess tiegħu d-droga eroina mentri Debono waħdu kien mixli b’ħasil ta’ flus, li kien fil-pussess tal-kannabis u li kien reċediv. It-tnejn li huma ġew akkużati wkoll bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Fix-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, l-Ispettur Mercieca beda biex qal li nhar is-Sibt li għadda, il-Pulizija daħlitilha informazzjoni li kien se jsir ftehim dwar droga bejn l-imputati fejn kienet se tingħata ammont konsiderevoli ta’ droga. 

Il-Pulizija bdiet tosserva l-movimenti taż-żewġt irġiel u Martin ġie nnutat ħiereġ mir-residenza tiegħu fil-Ħamrun kmieni filgħodu, telaq bil-vettura tiegħu tal-għamla Volkswagen u ġie nnutat dieħel f’garaxx fi Triq il-Qaddiefa, il-Marsa. 

Meta ħareġ mill-garaxx, huwa deher jgħabbi kaxxa fuq is-seat ta’ wara tal-vettura u telaq minn fuq il-post. Huwa ġie segwit mill-pulizija u deher idur diversi drabi mal-blokka fejn kien joqgħod Melvin Debono, fi Triq Melita, Raħal Ġdid.

L-Ispettur Mercieca qal li x’ħin Debono deher dieħel fil-vettura ta’ Martin, hemmhekk l-irġiel ġew imwaqqfa mill-Pulizija. Mistoqsi dwar il-kaxxa fil-karozza, Dean Martin qal li dik kienet ta’ Melvin Debono. 

F’din l-istess kaxxa il-Pulizija sabu żewġ blokok imdaqqsin suspettati kokaina. Saret ukoll tfittxija fir-residenza ta’ Debono u proprjetajiet oħra. Fil-kċina kien hemm pouch iswed li kien fih €3,800 flimkien ma’ diversi ċwievet oħra ta’ vetturi u residenzi. 

F’xi kxaxen instabu wkoll oġġetti relatati mal-konsum tad-droga kannabis u borża oħra li kien fiha mal-100 gramma kokaina. Fost affarijiet oħra nstabu tliet arloġġi tal-idejn fosthom wieħed Rolex, choker u żewġt iċrieket ta’ lewn isfar fost oħrajn. F’safe ieħor kien hemm madwar €78,000 fi flus kontanti. 

Il-Pulizija wettqet tfittxija wkoll f’garaxx fi Triq Sant’Ubaldeska, fejn fih kien hemm żewġ Range Rover Sports u Mercedes E63, li l-valur tagħhom jammonta għal €250,000. 

Fl-interrogazzjoni li saritlu, Melvin Debono kien assuma responsabbiltà tas-sustanzi li nstabu fir-residenza tiegħu u anke tal-flejjes misjuba. Debono kien qal li l-flus kien qalagħhom mill-bejgħ tal-vetturi u li d-deheb kien xtrahom hu stess.

Xehed ukoll l-Ispettur Steven Ryan Micallef li spjega kif fil-garaxx ta’ Dean Martin fil-Marsa nstabu madwar 3.5 kilogrammi ta’ sustanza suspettata kokaina. Fir-residenza tiegħu fil-Ħamrun instabu €5,000 fi flus kontanti.

Fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija, Martin kien qal li d-droga li kellu fil-vettura kienet ta’ Melvin u xogħlu kien li jżommlu d-droga. Martin kien qal ukoll li kull meta Debono kien jitolbu d-droga, kien itellagħhielu d-dar. 

“Ġurnata qabel seħħ ir-rejd tas-Sibt, Melvin kien ikkuntattja lil Dean u qallu biex itellagħlu “waħda” però kien hemm ħafna traffiku n-naħa ta’ isfel ta’ Malta u Dean stqarr li ma setax dakinhar. Il-ftehim kien li jltaqgħu l-għada filgħodu kif fil-fatt sar,” qal l-Ispettur Micallef. 

Żied jingħad li n-numru ta’ Debono kien issejvjat bħala “Power” fuq il-mobile ta’ Martin. Il-Pulizija qalet li nstab messaġġ bejn il-“Power” u l-mobile ta’ Martin li ntbagħat fis-7.45 a.m. dakinhar tal-arrest. Martin kien qal ukoll li li ken jaqla’ €200 għal kull kilo droga li jżomm jew jgħaddi lil Debono.

Il-każ ikompli. 

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Melvin Debono mentri l-Avukat Roberta Bonello dehret għal Dean Martin. 

Share With: