KONNA FORTUNATI?

Miktub minn ALFRED SANT

Forsi jkun aħjar ma niktibx dak li għandi f’moħħi… Għax meta tpaspar dwar kemm marru tajjeb l-affarijiet sa issa, malajr dawn jinqalbu ta’ taħt fuq! Jibqa’ fatt madankollu li pajjiżna relattivament ftit ġarrab atti ta’ terroriżmu. Kien hemm wieħed orribbli ħamsa u tletin sena ilu, fejn pajjiżna imma serva ta’ xena għall-massakru li sar f’ajruplan tal-Egypt Air li nħataf u nġab lil hawn. Kien hemm il-qtil tal-Palestinjan Shqaqi aktar tard. U kien hemm il-ħtif pjuttost “komiku” ta’ ajruplan Libjan mhux daqstant ilu. 

Il-biża’ dejjem kien li l-mewġa ta’ terroriżmu se tolqotna b’qawwa kbira. Dan ma ġarax. Kumbinazzjoni? Konna fortunati? Jew forsi hemm raġunijiet oħra wkoll li daħlu fil-bigħa?

It-trattament li jingħata pajjiż f’oqsma differenti jirrifletti l-fama li jkun kiseb u kif jitqies bħala riżultat ta’ dil-fama. Żgur m’inix nissuġġerixxi li għandna nagħmlu xi ħaġa biex it-terroristi jqisuna tal-ħelwin. Imma jidher li l-politika ta’ newtralità segwita minn Malta kellha l-effett li tbiegħdna mill-għajn tat-tempesta terroristika. 

L-ILMENTI TAL-KUNSILL TAL-EWROPA

Reġgħet ħarġet ċara kemm iċ-ċaqliq favur is-saltna tad-dritt fl-Ewropa jisfa ta’ spiss logħba politika. Il-Kunsill tal-Ewropa għadda riżoluzzjoni li tmaqdar x’għamel il-gvern Malti biex jibdel liġijiet u proċeduri ħalli jagħmilhom aktar strinġenti fl-oqsma tal-ġudikatura, tal-pulizija, tat-tmexxija governattiva… Kull ma għamel kien li sempliċement wettaq il-“pariri” li  għaddielu l-istess Kunsill, jew xi kumitat tiegħu.

Personalment xejn ma għoġbitni dil-ħaġa. Siewja kemm huma siewja l-bidliet, m’għandux ikun xi Kunsill minn barra li jgħidilna x’għandna nagħmlu…

Hu xinhu, il-gvern wettaq dak li qalulu jagħmel f’qasir żmien. Minflok irrikonoxxew dil-ħidma, tal-Kunsill tal-Ewropa  ħarġu jikkritikaw kif il-bidliet twettqu malajr wisq u mingħajr konsultazzjoni mal-bqija tas-soċjetà!

Nibqa’ dubjuż ħafna kemm l-għajta favur is-saltna tad-dritt fl-Ewropa tista’ tagħmel xi progress profond u dejjiemi bil-mod politiċiżżat u superfiċjali kif qed tiġi artikolata.

ANKE JEKK…

Kien hemm żmien meta l-aqwa imħuħ fostna qiesu l-akbar kisba li stajna nagħmlu bħala pajjiż kienet li nsibu ż-żejt. B’hekk, ma nibqgħux bla riżors naturali u bħal ħafna pajjiżi oħra, ingawdu minnu biex nikkompetu aħjar mal-bqija tal-ġnus. 

Jekk qabel kien hemm iż-żejt fil-fond tal-ibħra li jbaħbħuna, għadu hemm. Imma issa forsi ta’ xejn insibuh. Ma jiswielniex għax daħal mad-dinja sforz kbir biex innaqqsu l-użu tal-enerġija minn sorsi li jsaħħnu l-klima. Il-faħam daqshekk u fi ftit taż-żmien, iż-żejt suppost l-istess. 

  Illum nitfarrġu bil-ħsieb li talanqas ma lħaqniex nittinna pajjiżna bil-kallu taż-żjut. Għalkemm se ssib min jitħajjar jgħid li xorta qagħbarnih, pajjiżna, mod ieħor…

Share With: