Kumpanija ordnata tagħti sensar €53,692 f”commissions’

Kumpanija tal-proprjetà ġiet ordnata tagħti sensar €53,692 f”commissions’ wara tilwima bejniethom minħabba li telaqha biex jaħdem ma’ kompetitur tagħha.

Dhalia Real Estate Services Limited fetħet il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Gordon Attard.

Il-kumpanija spjegat lill-Imħallef Anna Felice kif Attard kien impjegat magħha bħala manager u wara li tatu f’idejh it-tmexxija tal-fergħa ta’ Ħ’Attard u ħarrġitu għal diversi ġimgħat huwa telaq u mar jaħdem ma’ kumpanija assoċjata mar-Remax.

Hija sostniet li saret taf li Attard għamel użu minn informazzjoni kunfidenzjali u kuntatti li kellu biex ħadilha klijenti għal man-negozju li fetaħ mar-Remax.

Dhala iddeskriviet l-aġir tiegħu bħala “skorrett u qarrieqi” u talbet lill-imsemmija mħallef tiddikjara li temm il-kuntratt b’mod illegali u jikkumpensaha għal dan.

Attard irribatta billi qal li huwa daħal jaħdem mad-Dhalia bħala konsulent fil-proprjetà fl-2003 u f’żewġ okkażjonijiet, fl-2011 u 2013, temm ir-relazzjoni u irritorna wara insistenza mill-management.

Huwa sostna li fl-2015 iddeċieda li jieqaf jaħdem mal-kumpanija u wara li nforma lill-kumpanija rċieva SMS fejn kien offrut ‘partnership’ fiha madankollu nfurmaha li kien diġà aċċetta offerta oħra.

Attard semma kif ġimagħtejn wara huwa sar jaf li l-kumpanija fetħet mandat ta’ sekwestru fil-konfront tiegħu u nsista li kien sorpriż għax huwa qatt ma rċieva paga jew sahra mingħandha imma kien jitħallas bil-‘commissions’ fuq proprjetajiet li kien jirnexxielu jbiegħ.

Fir-risposta tiegħu huwa anke talab li jitħallas tal-pagi, overtime, bonuses u leave li ma ħax kif ukoll il-‘commissions’ dovuti.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat l-Imħallef Felice irrimarkat li mill-provi jirriżulta li għalkemm il-kumpanija qalet li Attard kien impjegat tagħha dan ma rriżultax għax kien ‘self employed’ u jitħallas biss tal-‘commissions’.

Hija sostniet li l-kumpanija ma rnexxilhix turi li Attard kiser xi obbligu jew naqas mid-doveri tiegħu u nsistiet li xejn ma kien iżommu milli jmur jaħdem fl-istess linja ta’ negozju ma’ kumpanija kompetittriċi.

L-Imħallef Felice qieset ukoll it-talba għall-‘commissions’ li saret minn Attard u ikkonkludiet li d-Dhalia kellha tagħtih €48,692 fi ħlas fuq bejgħ ta’ proprjetà u magħhom żiedet €5,000 bħala kumpens b’rabta mal-mandat tas-sekwestru.

Kien għalhekk li ordnat lill-kumpanija tħallas lil Attard is-somma totali ta’ €53,692 bl-imgħax fuq kull ‘commission’.

Share With: