L-irkupru ekonomiku f’Malta fost l-aqwa fiż-żona ewro: żieda fl-impjiegi u issa anke fil-produzzjoni ndustrijali

Stqarrija ppublikata din il-ġimgħa mill-Eurostat, l-aġenzija statistika tal-Unjoni Ewropea, ikkonfermat li l-irkupru ekonomiku f’Malta huwa fost l-aqwa fiż-żona ewro. Filfatt l-attività ekonomika bejn it-tieni u t-tielet kwart tjiebet bi 12.7% f’pajjiżna, tkabbir li kien il-ħames l-aqwa fiż-żona ewro u ogħla mill-medja.

Kien biss fi Franza, fi Spanja, fl-Italja u fil-Portugal li kien hemm rata ta’ tkabbir aqwa milli f’pajjiżna. Dan kien jirrefletti l-fatt li dawn il-pajjiżi fit-tielet kwart ħarġu minn sitwazzjonijiet ta’ lockdown ferm aktar restrittivi minn dawk f’pajjiżna. Dan joħroġ mill-fatt li l-ammont ta’ impjiegi f’dawn il-pajjiżi kienu ferm anqas mill-livell osservata fl-istess perjodu tal-2019. L-agħar sitwazzjoni tidher li hija fi Spanja fejn bħalissa hemm 5% anqas persuni jaħdmu kumparat ma’ sena ilu, li jfisser li hemm miljun persuna anqas taħdem. Fiż-żona ewro fit-totalità tagħha, l-ammont ta’ nies jaħdmu huwa 3.7 miljun anqas. Li jfisser li aktar minn kwart tat-telf tal-impjiegi kollha seħħ fi Spanja. Bejniethom Franza u l-Italja raw tnaqqis ta’ 1.5 miljun ħaddiem.

B’kuntrast f’pajjiżna l-impjiegi mhux talli naqsu, imma talli żdiedu. L-istqarrija tal-Eurostat mhux biss turi li ż-żieda f’pajjiżna hija l-aqwa fl-Ewropa, imma li l-impjiegi żdiedu f’kull kwart. Dan jinkludi anke t-tieni kwart meta kien hawn miżuri ristrettivi fosthom l-għeluq tal-ħwienet u l-għeluq tal-airport. Fit-tieni kwart f’pajjiżi bħall-Irlanda kien hemm tnaqqis ta’ 6.2% fl-impjiegi mentri fi Spanja tilfu l-impjiegi 7.5% tal-ħaddiema kollha. 

Dawn iċ-ċifri jindikaw bl-aktar mod ċar kemm il-miżuri li ħa l-Gvern Malti kienu kruċjali biex jiġu salvati l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Miżuri bħall-Wage Supplement wasslu biex f’pajjiżna setturi milquta mill-effetti tal-COVID ma keċċewx ħaddiema, mentri setturi oħrajn komplew jimpjegaw. Kieku f’pajjiżna kien hemm l-istess andament bħall-medja Ewropea, kieku kważi 12,000 persuna oħra huma bla xogħol f’Malta u Għawdex. Li kieku f’Malta s-sitwazzjoni kienet bħal dik fi Spanja, kieku 19,000 persuna oħra kienu jkunu qiegħda.

Dan huwa konfermat ukoll minn rapport riċenti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li nnota li “l-miżuri fiskali li tħabbru kellhom impatt sinifikanti fuq l-impjiegi”. Tant li skont l-esperti tal-Bank Ċentrali l-aħħar tbassir tagħhom igħidu li “l-impjiegi se jiżdiedu b’0.8 fil-mija matul din is-sena. Din tirrappeżenta reviżjoni ‘l fuq minn dakli konna bassarna”.

 Riżultat ta’ dan ir-rapport tal-Bank Ċentrali jirrimarka li  mentri qabel ir-rata tal-qgħad kien mistennija tilħaq 5% din is-sena, u tibqa’ qrib 4.5% fis-sentejn ta’ wara issa din hija mbassra li tibqa’ taħt l-4%. Ta’ min jinnota li bħalissa huwa f’Malta biss fiż-żona ewro li l-qgħad huwa taħt l-4%, mentri l-medja hija ferm aktar mid-doppju ta’ hekk.

Ir-rapport tal-Bank Ċentrali kien fih ukoll studju li qabbel ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-attivita ekonomika u soċjali f’pajjiżna ma dawk fil-bqija tal-Ewropa. Dan sar permezz ta’ użu ta’ metodoloġija kkreata mill-Università rinomata ta’ Oxford. Dan iwassal lill-esperti tal-Bank Ċentrali biex jikkonkludu li “r-rispons tal-Gvern Malti kien simili għal dak taż-Żone Ewro”. Filfatt kontra għal dik li ssostni l-Oppożizzjoni ma jirriżultax li kien hemm xi laxkezza fil-miżuri meħuda f’pajjiżna. Bil-kontra kien hem diversi xhur meta f’Malta l-miżuri kienu aktar ristrettivi milli fil-bqija taż-żona ewro. 

Bla dubju ta’ xejn is-suċċess tal-irkupru ekonomiku ta’ pajjiżna huwa kkawżat mil-mod effettiv kif pajjiżna żamm l-imxija taħt kontroll. Minħabba f’hekk l-attivita ekonomika setgħet tkompli b’mod aħjar milli seta jiġri f’pajjiżi madwarna. Dan wassal biex il-qgħad f’pajjiżna naqas mentri madwarna żdied. 

Żvilupp ieħor li ġie mħabbar din il-ġimgħa kien li għall-ewwel darba mindu feġġet il-pandemija f’Marzu, l-produzzjoni ndustrijali kienet aktar għolja minn dik sena qabel. Filfatt skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’Ottubru l-produzzjoni ndustrijali kienet 1% ogħla minn dik fl-istess xahar fl-2019. Dan wara sitt xhur fejn din kienet anqas. 

B’hekk issa anke setturi bħall-manifattura, li jiddependu mid-domanda esterna, bdew jirkupraw. Flimkien mas-setturi dipendenti mid-domanda domestika, li nżammu tajjeb b’miżuri bħal-vawċers, dan mistenni jwassal għal irkupru aktar qawwi fl-2021 u l-2022.     

Share With: