Lill-Papa se ngħidlu li f’Malta hawn Knisja ħajja tistennih – Il-Kardinal Grech

Fi tmiem omelija mill-Kardinal Mario Grech hu ddikjara li mal-wasla tiegħu f’Ruma, se jgħid lill-Papa Franġisku li f’Malta hawn Knisja ħajja tistenna li tilqgħu b’dirgħajha miftuħa. Ta’ min jgħid li l-Papa Franġisku kellu jiġi f’Malta f’Mejju li ġej u kien anke inħareġ il-programm. Iż-żjara ma saritx minħabba l-pandemija. 

Il-Kardinal Mario Grech għamel din l-omelija f’quddiesa li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-aħħar sigħat b’radd il-ħajr għall-ħatra tiegħu bħala l-ewwel Kardinal Malti.

Il-Kardinal Grech fl-omelija staqsa min minna ma jgħaddix minn waqtiet li fihom iħossu mifluġ, u semma mumenti diversi – meta wieħed iħoss il-piż tal-familja, tal-mard, tat-tmexxija, tas-solitudni jew tal-ħolm. Madankollu, fl-Evanġelju moqri f’din il-quddiesa, Ġesù għandu l-istedina, “Ejjew għandi intom li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien inserraħkom.”

Spjega l-Kardinal, Ġesù qed jitkellem mill-madmad reliġjuż. L-eks Isqof t’Għawdex irrifletta fuq kif ir-reliġjon sikwit titgħabba bil-madmad li hu l-liġi, u ħafna jiżbaljaw meta jħarsu lejha bħala l-liġi biss, għax “il-liġi ma tibdilx il-qalb; billi l-liġi tipprojbixxi u tikkundanna, flok tħeġġeġ u tistimula, tnissel terrur minn Alla.” Skont il-Kardinal, Ġesù jgħid li d-dixxiplu tiegħu mhux dak li joqgħod għal Alla billi josserva l-liġijiet, imma dak li jsir jixbaħ lill-Missier billi jħobb bħalu.”

Share With: