Madwar terz tar-rapporti dwar vjolenza domestika minn irġiel

Miktub minn Maria Azzopardi

Minn mindu bdiet topera t-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika stħarrġu aktar minn 250 każ fejn anke ġew megħjuna viċin it-300 vittma. Minkejja li l-maġġoranza tal-persuni li jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika huma nisa, 90 minn dawn it-300 kienu rġiel. 

Dan intqal mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri f’konferenza fil-Kwartieri Ġenerali tal-Korp tal-Pulizija waqt it-tnedija uffiċjali tat-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, liema taqsima qed taħdem bi tliet timijiet, 24 siegħa kuljum. 

L-Ispettur tal-Pulizija Eman Hayman spjega ma’ dan il-ġurnal kif huma qed jirċievu ftit aktar minn ħames rapporti kuljum fejn il-maġġoranza tagħhom ikunu nisa imma jkun hemm anke rapporti minn irġiel u kellhom numru sostanzjali anke ta’ tfal minorenni li jkunu vittmi. Fost ir-rapporti li jirċievu huwa qal: “Swat kien hemm, f’dawk li huma ġrieħi, imma l-iktar li qed naraw bħala rapporti huma proprja rapporti li mhumiex instantanji illi jsiru f’medda ta’ żmien.”

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li l-messaġġ li jixtiequ jgħaddu huwa wieħed ta’ tama u kuraġġ għaliex illum hawn Korp tal-Pulizija li aktar minn qatt qabel iddeċieda li mhux biss jgħin lil dawn il-vittmi ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru, iżda jitlob li din il-pjaga fis-soċjetà niġġielduha flimkien.

F’kummenti ma’ Inewsmalta, il-Ministru Camilleri qal: “Qabel dan is-servizz kien jingħata mill-għasses tal-lokalità u wieħed ma jistax b’mod ġenwin jistenna li l-uffiċjali ġewwa l-għassa jkunu jifhmu u jkunu speċjalizzati f’kollox. Għaldaqstant, rajna li dan il-Unit ikun wieħed speċjalizzat u meta ngħidu speċjalizzat ifisser li hemm persuni li jaħdmu fih li tassew ikunu speċjalizzati f’dan il-qasam, ikunu rċevew it-taħriġ u studjaw fuq dak li qed jaħdmu fih u llum qed jassistu lil dawn il-persuni.”

Huwa żied jgħid: “Fl-aħħar ftit ġimgħat u xhur, speċjalment waqt il-Covid-19, kellek li r-rata ta’ kriminalità ġewwa pajjiżna naqset pero n-numru fejn jidħlu rapporti ta’ vjolenza domestika żdiedu. Dan jirrifletti żewġ affarijiet. Jirrifletti żgur li l-vjolenza domestika żdiedet pero jista’ jkun, u nixtieq li jkun hekk, li hemm iktar persuni li resqu ‘l quddiem biex jirrappurtaw il-vjolenza domestika. Aħna nħeġġu lil kulħadd biex jersaq ‘il quddiem, jirċievi l-għajnuna li hemm bżonn u nwegħduhom li hemm korp tal-pulizija illi jifhimhom aktar, li qed jipprepara lili nnifsu aktar biex jipprovdu servizz tajjeb u aħjar milli kien qabel.” Mistoqsi dwar il-pass li jmiss, il-Ministru qal li dan huwa li jkun hemm żoni differenti fil-pajjiż li minnhom inkunu qed nagħtu dan is-servizz lill-vittmi tal-vjolenza domestika.

Preżenti għall-konferenza kien hemm mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela li rringrazzjat lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà f’isem dawk kollha li jgħaddu minn dawn l-esperjenzi talli poġġa l-vjolenza domestika bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu. Hija qalet li din hija turija ċara li l-Gvern mhux qiegħed biss jitkellem dwar il-vjolenza domestika u juża dawn is-16-il ġurnata għal aktar għarfien imma qed jaħdem biex itaffi din ir-realtà kiefra li għandna fis-soċjetà tagħna.

Hija qalet li fil-professjoni tagħna ltaqet ma’ numru ta’ nisa li jaqsmu l-esperjenzi li jgħaddu minnhom. “Ikun hemm mumenti fejn li minkejja jkunu qed isofru fis-skiet iżommu pass lura milli jagħmlu r-rapporti. Ċerta li dan il-unit li nfetaħ se jkun qed jagħti spalla lil dawn in-nisa li jgħaddu minn dawn l-esperjenzi għax se jaraw fil-korp tal-pulizija lil xi ħadd li jista’ jismagħhom u jgħinhom joħorġu mill-problema. Mhux għalihom biss imma anke għat-tfal li jgħixu magħhom.”

Fl-indirizz tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li dan mhux reat kwalunkwe imma jeħtieġ ċertu empatija u ċertu sensittività. Huwa qal li jinsab kburi li l-Korp tal-Pulizija qed jipprovdi servizz professjonali fir-rigward tal-vittmi tal-vjolenza domestika. Żied jgħid li apparti li qed ikunu professjonali, qed iġibu aktar fiduċja tan-nies f’dan ir-rigward u li ladarba din qed tiżdied, ifisser li qed iħossuhom aktar siguri li jersqu lejn il-Pulizija. Xhieda ta’ kif issaħħet il-fiduċja fil-membri tal-Korp f’dan ir-rigward jidhru mill-figuri hekk kif sa Settembru ta’ din is-sena kellhom medja ta’ 4.3 rapporti kuljum. Huwa qal li din il-figura f’xahar żdiedet għal 5.3 rapporti kuljum. 

Share With: