MaltaPost tniedi ‘Kartolina għall-Istrina’ għal ġbir ta’ fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation

MaltaPost nidiet edizzjoni speċjali ta’ kartolini tal-Milied u l-qligħ kollu se jmur għal Malta Community Chest Fund Foundation.  

MaltaPost ħadet din l-inizjattiva wara appell għall-għajnuna mill-istess fondazzjoni li bħalissa qed tbati minn nuqqas ta’ riżorsi finanzjari minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija.  Il-Malta Community Chest Fund Foundation fost oħrajn tipprovdi għajnuna finanzjarja, u appoġġ lil persuni b’mard kroniku u b’diżabilità u tħeġġeġ solidarjetà mill-Maltin u l-Għawdxin.

Dan is-sett fih 8 kartolini b’disinji differenti tal-Milied li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd; minn kapolavur ta’ Giuseppe Cali sa xeni minn pitturi klassiċi, kif ukoll minn arti moderna ta’ żewġ artisti lokali Alison Agius u Claire Marie Medati Stride. L-arti ta’ dawn iż-żewġ artisti lokali ntagħżlu minn fost erbgħin sottomissjoni li daħlu wara stedina pubblika li nħarġet mill-ARTZ ID fil-bidu ta’ Ottubru.

“Din is-sena l-Milied se jkun differenti minħabba l-limitazzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija, pero permezz ta’ dawn il-kartolini nistgħu nibgħatu messaġġ speċjali ta’ ferħ lil familjari u l-ħbieb, speċjalment jekk ma nistgħux inkunu magħhom fiżikament.  Min jibgħat ‘Kartolina għall-Istrina’ ikun ukoll qed jgħin lil Malta Community Chest Fund Foundation għal kawża ġusta” qal Joseph Gafa’ Kap Eżekuttiv tal-MaltaPost.

Is-sett ‘Kartolina għall-Istrina’ jinsab għal bejgħ mill-Fergħat Postali, online fuq www.maltapost.com/christmascards kif ukoll mill-uffiċċji tal-Malta Community Chest Fund Foundation fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta u l-palazz ta’ San Anton. Dawk kollha li jordnawh minn fuq il-website jirċevuh id-dar bil-posta.  Il-kumpaniji li jixtiequ kartolini personalizzati bil-logo jistgħu jordnawhom billi jibgħatu email fjfarrugia@maltapost.com jew iċemplu 2596 1115 sas-7 ta’ Diċembru 2020. 

Share With: