Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela ppreżentat donazzjoni ta’ €20,000 lill-Università ta’ Malta

B’dawn il-fondi, il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta se tagħmel riċerka biex nifhmu b’mod fattwali u b’evidenza xjentifika għalfejn il-perpetrators/ l-aggressuri jġibu ruħhom u jwettqu l-abbuż, fosthom abbuż fiżiku, sesswali, emozzjonali jew mentali.

Dr Abela qalet li b’din ir-riċerka tixtieq li jitfassal abbozz ta’ strateġija li titħabbar is-sena d-dieħla sabiex nassessjaw u naraw l-effettività tas-servizzi li qed jingħataw dawk l-individwi li qed isegwu programmi ta’ riabilitazzjoni.

Dr Lydia Abela qalet li matul is-sittax-il jum ta’ attiviżmu dwar il-vjolenza domestika, għamlet ħilitha biex tiltaqa’ ma’ kull min hu involut f’dan il-qasam fosthom il-vittmi nfushom u wliedhom, akkademiċi, policy makers u għaqdiet mhux governattivi. Hija żaret ukoll dar li tilqa’ fiha vittmi ta’ vjolenza domestika u ltaqgħet ukoll ma’ pulizija li jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittmi li jirrikorru għandhom minħabba vjolenza domestika.

Dr Abela qalet li kull min jaħdem f’dan is-settur qed jagħmel xogħol siewi ħafna, madanakollu sostniet li bħala pajjiż fadal ħafna xogħol x’nagħmlu biex neliminaw din il-pjaga soċjali.

Dawn il-fondi ngħataw lil Dr Lydia Abela mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, li pparteċipat fis-16-il ġurnata ta’ attiviżmu dwar il-vjolenza domestika, billi xegħlet it-torrijiet storiċi madwar Malta bil-kulur oranġjo.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rringrazzja lis-Sinjura Abela tax-xogħol kbir li qed tagħmel biex pajjiżna jqajjem iżjed għarfien dwar is-suġġett tal-vjolenza domestika. “Nawgura li dan l-inċentiv ikun il-bidu ta’ ħafna iżjed xogħol li għad irridu nagħmlu dwar dan is-suġġett. Min-naħa tiegħi nwiegħed l-appoġġ kollu meħtieġ biex dan niksbuh”, kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Share With: