“Mhux qed nirrakkonta biex jitħassruni… imma biex nuri lil dawk xettiċi li l-virus jeżisti” – Francesca

Minn Victor Vella

“Iddeċidejt bi sforz u b’uġigħ kbir, li nirrakkonta dak li għaddejt minnu. Mhux qed nirrakkonta biex jitħassruni imma biex nuri lil awk li huma xettiċi u lil dawk li mhux qed jieħdu s-sitwazzjoni bis-serjetà.  Lil dawn ngħidilhom li l-virus jeżisti u hu wieħed li jġiegħlek tbati”. 

Francesca, li għamlet ġimagħtejn l-isptar marida bil-Covid19, tgħid li “qed ngħid l-esperjenza b’rispett lejn l-infermiera u tobba li assistewni għal ġimagħtejn sħaħ fl-isptar. Kont miżmuma fil-ward tal-maternità għax kont wasalt fl-aħħar tat-tqal. Kelli esperjenza mill-aktar kerha u l-affarijiet ikkomplikaw”.

Tenfasizza li “l-isptar f’Milan fejn kont rikoverata nafu tajjeb. Kont ħdimt fih bħala studenta meta kont qed nistudja l-bioloġija. Ħdimt fih għal diversi snin fejn anke servejt fil-laboratorju li fih jittestjaw l-infezzjonijiet.”

“Irrid li nqajjem kuxjenza dwar dak li għaddej minnu u dak li qed jgħaddu minnu dawk morda bil-Covid. Dan għax hi xi ħaġa li tweġġa, li ssib ruħek f’sitwazzjonijiet fejn issib min jikkitika, jiġġudika, jew inkella anke jiddubità jekk dan il-virus hux reali” tgħid Francesca.

Hi tkompli tgħid li “jien nista’ nħossni fortunata. Dan għax apparti li bil-Covid19 qabditni pneumonia, jien bdejt ukoll inbati ħafna biex nieħu nifs. Spiċċajt kelli ningħata l-ossiġnu.  Kien ikolli diffikultà biex norqod matul il-lejl minħabba li kien ikelli nilbes il-maskra tal-ossiġnu f’imnieħri u l-maska f’wiċċi. Tispiċċa kollok tbenġil. Uġigħ ma jaqta xejn. Agħar minn hekk taffettwak ħafna dik li tkun waħdek. Ħassejt ħafna in-nuqqas tat-tgħanniq ta’ ibni. Kont beżgħan għax ma nafx it-tqala kif kienet se tiġi affettwata.”

Tisħaq li “ma nistax ma nitkellimx fuq l-infermieri. Dawn huma persuni li qed jilbsu żewġ maskli, visor u ingwanti doppji. Biż-żmien lill-infermieri tibda tagħrafhom minn għajnejhom u mill-vuċi. Dawn huma l-persuni li ssibhom hemm ħdejk jikkonslawk meta tibki. Ma jiddejqux jaqbduk f’kull ma jkollok bżonn. Quddiem dan kollu li jkunu qed jaraw, isibu is-saħħa ukoll biex jitbissmu, anke jekk jafu li qegħdin f’riskju għalihom u għal famitlhom.”

Tkompli tgħid li “tispiċċa segregat f’kamra ma’ pażjent ieħor. Ma tkunx tista’ toħroġ mill-kamra lanqas biex tmur sal-kuridu. Ma tistax tmur tieħu kafe u lanqas jitħallew jiġu l-qraba jarawk.  Meta tistaqsi biex iġibulek xi ħaġa, fik iddaħħal il-biża li xi ħadd jista’ jieħu l-virus. Ninsab aħjar imma għadni ma fiqtx. Għadni ma nafx meta se ngħannaq it-tarbija tiegħi u lir-raġel.”

(Esperjenza bil-kortesija ta’ SOS Emergenza)

Share With: