MOAS tingħaqad ma’ Sea Eye għas-salvataġġi fil-Mediterran

L-organizazzjoni MOAS, li kienet l-ewwel għaqda non governattiva li bdiet tmexxi bastiment għal salvataġġi fil-baħar Mediterran għal dawk il-persuni li jkunu qed ifittxu ħajja aħjar fl-Ewropa wara li jaħarbu mil-Libja, ħabbret li kienet se terġa’ tibda topera ħidma ta’ salvataġġ.  Dan se jkun qed isir flimkien ma’ l-organizazzjoni Sea Eye. 

Il-MOAS se tkun qed topera abbord il-bastiment ta’ Sea Eye 4. MOAS se tkun qed tipprovdi personnel u riżorsi fost oħrajn.  Sea Eye 4 hu bastiment offshore li bħalissa qed ikun konvertit biex ikun jista’ jservi ta’ bastiment għas-salvataġġi. Hu previst li s-salvataġġi fil-Mediterran mill-MOAS u Sea Eye 4 se jibdew fi Frar. 

Regina Catrambone, id-Direttur ta’ MOAS qalet li “nemmnu li ħadd m’għandu jmut f’nofs ta’ baħar meta jkun qed ifittex is-sigurtà.  Hu għalhekk li aħna konna waqqafna l-MOAS fis-sena 2013.  Waqqafniha biex insalvaw il-ħajjiet. Kuntenti li se nkun qed noperaw bi sħab ma’ Sea Eye.  Bejn is-sena 2014 u s-sena 2017, il-missjonijiet tagħna fil-Mediterran u l-baħar Eġew wasslu biex ġew salvati aktar minn 40,000 persuna.  Issa ma’ l-isħab il-ġodda tagħna irridu li nsalvaw kemm jista’ jkun persuni. Is-soċjetà ċivili temmen li l-implimentazzjoni ta’ rotot legali għal immigrazzjoni hi importanti għax tevita l-imwiet fil-baħar”.

Share With: