Moda sesswali ġdida tinkwieta lill-ġinekologi… kapsula bil-glitters tista’ tkun ta’ periklu għas-saħħa

Miktub minn Carmen Cachia

Invenzjoni ġdida fid-dinja tas-sess hija kapsula mimlija glitters li titpoġġa fil-parti intima tal-mara. Din il-kapsula, il-“Passion Dust Intimacy Capsules” qiegħda tinbiegħ fi kwantitajiet ikbar mill-korporazzjoni “Pretty Woman”. Dan il-prodott jitpoġġa fil-vaġina qabel l-att sesswali u mal-orgażmu, il-kapsula ddub u joħroġ likwidu b’togħma ħelwa mimli glitters. Għalkemm din l-avventura tidher li qiegħda tiżdied fil-popolarità fost ħafna nisa, it-tobba qegħdin iwissu li l-prodott mhuwiex sigur tant li jista’ jikkawża infezzjonijiet u komplikazzjonijiet fil-parti intima tal-mara, mentri jista’ jkun ukoll ta’ periklu għas-sieħeb jew sieħba jekk dawn ibatu bl-ażma.

Il-Pretty Woman Inc. spjegat li l-kapsula ddub b’mod naturali mas-sħana tal-ġisem u hija ta’ riskju biss jekk il-kontenut, speċifikament il-glitters, jinbela’ waqt is-sess orali. Din il-korporazzjoni tisħaq li l-prodott tagħha huwa sigur minħabba li l-glitters huma zokkor u għalhekk idubu ftit wara li jinbelgħu.

Din il-kumpanija tisħaq ukoll li, “jekk qatt kellek problemi fil-vaġina, żgur li dawn kienu hemm qabel użajt il-Passion Dust. Jekk qatt sofrejt minn infezzjoni, ma kinux il-glitters li kkawżaha. Dawn l-affarijiet jiġru u dawn it-tip ta’ kundizzjonijiet huma parti milli tkun mara”.

Minkejja dawn id-dikjarazzjonijiet mill-kumpanija, hemm min b’mod speċjali professjonisti fil-qasam tas-saħħa, li ma jaqblux mal-użu ta’ dan il-prodott. Dr Jennifer Gunther qalet li fil-fatt, m’hemm ebda possibbiltà li jeżisti glitter li huwa sigur biex jitpoġġa fil-vaġina.

Hija qalet li ma jfissirx li għax il-glitters jistgħu jintużaw bla problemi ta’ xejn fi prodotti oħra, dawn jistgħu jintużaw ukoll fil-parti intima tal-mara mingħajr ma jkun hemm xi tip ta’ riskju. “Jekk il-glitter mhuwiex plastik, imma huwa zokkor, iz-zokkor fil-vaġina xorta huwa problema serja minħabba li dan jikkawża żieda kbira fil-bakterija f’din il-parti delikata tal-ġisem,” sostniet l-istess tabiba. 

Diversi studji saru u għadhom qegħdin isiru, dwar il-perikli ta’ infezzjonijiet fil-parti intima tal-mara. Barra minnhekk, id-dinja medika twissi li jekk mara ma toqgħodx attenta għall-iġjene personali tagħha jew tipprova esperimenti simili bħal dak tal-Passion Dust, tista’ tbati wkoll minn sensazzjonijiet xejn pjaċevoli ta’ ħruq jew skumdità kemm madwar, kif ukoll fil-vaġina.

Il-mara li vvintat il-bomba tal-glitters…

Il-persuna li vvintat il-bomba tal-glitters vaġinali, Lola-Butterflie Von-Kerius, hija omm ta’ tlett itfal minn Texas. Hija stqarret li l-idea ġietha minn ritratt ċajta, magħruf bħala “meme”, li fuqu kellu miktub – “jien ma negħriqx, jien inleqq”. F’intervista li kellha Lola-Butterflie qalet li hija ppruvat din il-kapsula kontroversjali fuqha stess u ssostni li, “tagħmel il-fluwidu tal-mara jleqq u jżid togħma tajba wkoll”.

Irreklamata li tagħti lill-mara dehra maġika u togħma ħelwa fil-mumenti tal-passjoni sesswali, il-Passion Dust hija sempliċiment prodott li jintuża għall-gost u tgawdija ta’ dak li jkun. Il-preżentaturi fuq ir-radju Awstraljan, Matt Tilley u Meshel Laurie, tal-istazzjon KIIss 101.1 tkellmu ma’ Lola-Butterflie. Mistoqsija dwar il-prodott ġdid tagħha hija qalet li personalment tħoss li, “tajjeb jekk mara tkun sabiħa u “tleqq” kemm minn barra, kif ukoll minn ġewwa”.

F’din l-intervista radjufonika din il-mara qalet li taħseb li l-prodott tagħha diġà ntuża minn madwar 100 mara u ammettiet li kienet użatu fuqha nnifisha bħala esperiment bil-għan li tkun ċerta li huwa prodott sigur. Hija riedet tkun ċerta li l-Passion Dust ma jikkawżax reazzjonijiet negattivi għax inkella, dan ikun ħażin għan-negozju ġdid tagħha.

Suċċess mhux mistenni

Lola-Butterflie qalet li oriġinarjament il-Passion Dust ma kienx intenzjonat li jmur fis-suq iżda minn mindu ġie introdott, il-provvista kollha inbiegħet fi ftit ġranet. Din il-moda ġdida u popolari però tista’ twassal għal infezzjonijiet fil-vaġina u t-tobba qegħdin jagħtu parir biex in-nisa ma jużawhx.

Iz-zokkor huwa l-ingredjent ewlieni fil-glitters u skont it-tobba dan huwa ta’ periklu minħabba li jista’ jżid il-bakterja fil-parti intima tal-mara. Minn mindu bdiet din il-kontroversja, is-sit uffiċjali tal-Passion Dust aġġorna l-ingredjenti ta’ dan il-prodott fejn jingħad li l-kapsuli huma tal-ġelatina, il-glitter jista’ jittiekel, fih trab tal-acacia, zea mays starch u vegetable stearate.

Fl-istess informazzjoni tal-prodott hemm nota ta’ twissija li jekk il-partiċelli tal-glitters jinbelgħu waqt is-sess orali, dawn jistgħu jagħtu bidu għal attakk ta’ ażma lill-persuni li jbatu b’din il-kundizzjoni. Iżda, jingħad ukoll li huwa prodott sigur “għall-użu” normali.

Il-bidu ta’ din il-moda beda b’kumbinazzjoni wara li ħabiba ta’ Lola-Butterflie stednietha tintroduċi l-prodott tagħha f’party tal-adulti. Hija tkellmet dwar il-prodott man-nisa preżenti u dawn mill-ewwel urew interess li jippruvawh. “Għall-ewwel kienu xi ftit imbeżża’ imma fl-istess ħin qalu li din hija innovazzjoni interessanti u xtaqu jippruvaha. Kien hemm minnhom li kienu kuraġġjużi biżżejjed li ppruvaw il-Passion Dust u kien sodisfatti ferm bir-riżultat li kisbu,” qalet in-negozjanta.

Issa tista’ tmantni l-familja…

Fl-2013 Lola-Butterflie kienet djanjostika b’tumur f’moħħha li kien anke affettwalha l-viżta t’għajnejha. Hija qalet li s-suċċess li kisbet b’dawn il-kapsoli setgħet fl-aħħar tmantni lill-familja tagħha. “Il-fatt li dan il-prodott sar daqshekk popolari, biddilli ħajti u issa nista’ naqla’ l-għixien għalija u għal uliedi,” spjegat din il-mara.

Fl-istess ħin tobba u professuri, fosthom Dr Vanessa Mackay – li hija l-kelliema tal-Kulleġġ Irjali tal-Ostetriċjani u tal-Ġinekologiċi fir-Renju Unit – qegħdin jisħqu li l-vaġina għandu bilanċ delikat ta’ bakterija “tajba” li tipproteġi dan l-organu. “Jekk in-nisa jpoġġu dawn it-tip ta’ affarijiet fil-parti tagħhom, ikunu qegħdin jirriskjaw li jitilfu dan il-bilanċ naturali tant importanti u dan jista’ jwassal għal infezzjoni, nefħa u ħakk fost l-oħrajn,” sostniet Mackay.

Din il-professjonista qalet li n-natura tal-vaġina tal-mara hija magħmula b’tali mod u manjiera li tnaddaf lilha nnifisha permezz ta’ likwidu naturali (discharge). Hija żiedet tgħid li, “in-nisa m’għandhomx jużaw sapun ifuħ, gels u antisettiċi oħra minħabba li dawn jaffettwaw lill-bakterja naturali tagħhom u anke l-bilanċ tal-pH li jinsabu f’din il-parti delikata tal-ġisem”.

F’każ li mara tkun xotta, Mackay qalet li tkun tista’ tuża prodotti apposta biss, fosthom lubricants. “Dawn huma likwidi jew gels li jitpoġġew fuq il-vulva, vaġina jew mal-pene ftit qabel jibda l-att sesswali biex il-mara ma tweġġax jew tagħmel ħsara lill-ħitan vaġinali waqt il-penetrazzjoni,” temmet din it-tabiba. 

Rapport fuq il-Guardian

Il-ġurnal “Guardian” ta ħarsa lejn dan il-prodott fejn irrapporta li l-glitters minnhom nnifshom huma problematiċi minħabba l-materjal li huma magħmul minnu. Dan it-tip ta’ plastik żgħir jingħad li huwa llegali fl-Istati Uniti u mistenni li jkun ukoll fir-Renju Unit. Minħabba d-daqs żgħir tal-plastik li huwa magħmul minnu, dan il-glitter jista’ faċilment jinbela’ b’konsegwenzi serji għas-saħħa ta’ dak li jkun.

L-istess rapport jgħid li l-glitter diġà qiegħed jagħmel ħafna ħsara minħabba li huwa wżat f’diversi oġġetti li nużaw regolarment u dan b’mod partikolari mal-pockets tal-mowbajls. Każ riċenti huwa dak ta’ pockets għall-iPhones bil-glitters li kellhom jitneħħew mis-suq wara li l-kimika fil-likwidu bdiet tikkawża ħsara fil-ġilda u anke tip ta’ ħruq.

“Wieħed mill-konsumaturi rrapporta ċikatriċi permanenti minħabba ħruq, mentri ieħor sofra effetti negattivi b’nefħa fis-saqajn, fil-wiċċ, fl-għonq, fis-sider u fl-idejn,” qal il-Kummissarju għall-Prodott Sigur tal-Istati Uniti. 

Il-ġurrnal jgħid li llum il-ġurnata l-glitter huwa sinonimu ħafna mall-bniet, jintuża f’ħafna okkażjonijiet u fuq varjetà kbira ta’ prodotti. 

Issa, li anke fid-dinja tas-sess daħal dan il-prodott ileqq, wieħed irid jagħrbel sew l-għażliet tiegħu u sa fejn lest li jasal biex jilħaq il-fantasiji li jkollu. Staqsu – huwa daqstant importanti li jintuża l-Passion Dust meta hemm dawn ir-riskji kollha involuti?

Share With: