Ngħajru u nitkellmu ħażin

Mark Camilleri hu ħabib tiegħi u napprezza l-ideat tiegħu. Imma ma naqbilx li bħala persuna u bħala chairman ta’ istituzzjoni statali jgħajjar lil ħaddieħor fuq il-midja soċjali b’użu selvaġġ ta’ kliem ħażin li ftit jagħmel sens.

Is-sabiħ u l-istramb kien li donnu dil-ħaġa ma dejqitx li ċerti paladini riċenti tad-drittijiet ċivili li sa ftit qabel tant qabżu għax attriċi tal-palk allegatament ġiet malafamata mit-“torċa” (għalkemm il-qrati ma rawx wisq deni f’dil-ħaġa). U l-istess sorsi bravi ħarġu jqabblu l-aġir ta’ Camilleri ma’ x’kienu kitbu fuq il-midja soċjali ħbieb tiegħi oħrajn fosthom Jason Micallef u Glenn Bedingfield.

Ipprovajt inqabbel id-diskors ta’dawn tal-aħħar ma’ li kiteb Mark u ma sibt l-ebda paragun.

Aktar ma jgħaddu s-snin, anqas jinbidlu l-affarijiet f’dal-pajjiż. Meta jitniffes xi ħadd li ma taqbilx miegħu, għabbih bl-akbar dnub, sakemm ma jkunx qed “jattakka” lil min int trid tattakka. Meta mbagħad jirrombla xi ħadd li taqbel miegħu, fittex tih kull spalla u ħallik mis-sinifiteti.

Pajjiżna hu żgħir imma l-ipokresiji li jbejtu fih huma ġgantin.

***

Appuntamenti fil-ġudikatura

Talanqas xi ħadd fl-aħħar qal dak li mill-bidu kien ovvju: u ma kienx ħlief l-Avukat Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-proċessi li bihom fil-pajjiżi Ewropej jinħatru membri tal-ġudikatura huma f’parti kbira minnhom politiċi. Dan ma jfissirx li l-persuni li jinħatru huma mbagħad dipendenti fuq min jaħtarhom. Jekk għandhom kariga li tiggarantilhom l-indipendenza, xejn ma juri li mhux se jkunu hekk.

L-Avukat Ġenerali qed jagħti parir lill-Qorti Ewropea li f’Malta dil-prattika bl-ebda mod ma hi differenti minn ta’ ħaddieħor.

M’hemmx għalfejn ngħidu – xi wħud issa ħarġu kontra l-Avukat Ġenerali Ewropew. Missu tkellem mod ieħor, skont huma!

Sew sostna l-Prim Ministru Abela: Hawn min moħħu biss li jimmina mingħalih lill-gvern tal-ġurnata u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

***

Abort u piena kapitali

Ftit ilu smajna lil min ifaħħar lill-President Trump talli ħatar fuq il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti lil ġudikanti li huma kontra l-abort. (Forsi ma kinux politiċi dawn il-ħatriet…?)

Hekk tajjeb, qalulna – Trump innomina persuni ta’ integrità li se jkunu qed jiddefendu l-ħajja kontra l-forzi li jimmilitaw favuriha bl-abort, u se jsostnu dan bħala valur sagrosant.

Imbagħad f’dawn l-aħħar ġimgħat, Trump approva l-eżekuzzjoni mill-gvern federali Amerikan ta’ numru ta’ persuni li ilhom id-deċennji jistennew il-forka. Sar appell quddiem il-Qorti Suprema biex il-piena kapitali ma tingħatax. Il-Qorti Suprema… bil-voti ta’ dawn il-qaddisin ta’ kontra l-abort… ma aċċettax l-appell… Il-forka ngħatat.

Fejn tinsab il-qima sagrosanta lejn il-ħajja f’dal-maniġġ miskin?

Share With: