Ninni la Tibkix Iżjed… qatt kont taf li nkitbet fl-Alġerija għal Maltin immigranti f’Tuneż?

Forsi ħafna minnkom lanqas tgħaddi minn raskom li l-għanja tal-Milied tant popolari fostna ‘Ninni la Tibkix Iżjed’ ma nkitbitx għall-Maltin f’pajjiżna. Fil-fatt din inkitbet fl-Alġerija minn Patri Malti għal Maltin li kien hemm jgħixu f’Tuneż.

Il-Benniena ta’ Ġesù Bambin jew, kif inhi magħrufa, in-‘Ninni la Tibkix Iżjed’, hija għanja mill-aktar magħrufa fost il-Maltin. Inkitbet fl-1846 mill-patri Ġiżwita Indri Schembri. Meta kitibha, dal-patri minn Ħal Luqa kien f’Alġeri u kitibha għal dawk il-Maltin li kienu emigraw lejn Tuneż. Saret popolari mindu bdiet titkanta fil-purċissjonijiet tal-Milied. Ta’ min jgħid li n-‘Ninni’ anke nqalbet bit-Taljan u titkanta fl-Italja.

Il-Milied dejjem kellu post speċjali ħafna fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-biċċa l-kbira tal-Maltin ġejjin minn trobbija kattolika u s’issa, il-Milied f’Malta għad għandu influwenza reliġjuża qawwija, b’numru kbir ta’ nies li għadhom jinġabru fil-knejjes tagħna biex jattendu l-quddiesa ta’ nofsillejl lejlet il-Milied.

Il-knejjes Maltin huma magħrufa għat-tiżjin artistiku tagħhom għall-festa tan-nattività partikolarment b’xeni mill-isbaħ tal-ġrajja ta’ Betlehem magħrufa bħala l-presepju, li ħafna minnhom jinbnew mill-parruċċani nfushom. Il-figurini tal-presepju, magħrufa aħjar bħala l-pasturi, jirrappreżentaw personaġġi li kienu preżenti fix-xena tan-nattività bħar-rgħajja, l-anġli u t-tliet slaten. Xi presepji huma wkoll operati mekkanikament bil-pasturi jwettqu diversi movimenti! Barra minn hekk, f’kull knisja nsibu statwa artistika ta’ daqs naturali, tat-tarbija Ġesù li ħafna drabi titpoġġa fuq l-altar prinċipali fil-quddiesa ta’ nofsillejl lejlet il-Milied. Tradizzjonalment, it-tliet figuri tas-slaten maġi jitqiegħdu fil-presepju nhar il-festa tal-Epifanija, fis-6 ta’ Jannar.

Share With: