Novembru s-sitt xahar b’żieda fil-konvenji

Minn Victor Vella

Fix-xahar ta’ Novembru għas-sitt xahar konsekuttiv kien hemm żieda fin-numru ta’ konvenji ffirmati meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Minkejja l-effett ekonomiku tal-pandemija jidher li fost il-familji għadha tirrenja kunfidenza qawwija. Dan għaliex ix-xiri ta’ propjeta huwa l-akbar investiment li jsir mill-familji.

Ċifri mid-Dipartiment tat-Taxxi jindikaw li f’Novembru saru 1,245 konvenju, jew 191 konvenju aktar milli saru fl-istess xahar sena qabel. Il-konvenji li saru f’Novembru ta’ din is-sena kienu jkopru valur totali ta’ propjeta ta’ kważi €274 miljun. Din hija żieda ta’ aktar minn €41 miljun mis-sena ta’ qabel, jew tkabbir ta’ kważi 20%. 

Iż-żieda osservata f’Novembru tfisser li minkejja l-pandemija li laqtet lil pajjiżna, fl-ewwel ħdax-il xahar tal-2020 ġew iffirmati aktar konvenji milli kienu ġew iffirmati fl-istess ammont ta’ xhur tal-2019. Fl-2020 saru 12,477 konvenju kontra 12,292 fl-ewwel hdax-il xahar tal-2019.

Dan it-tkabbir seħħ kollu kemm hu minn Ġunju ‘l quddiem wara li tħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika. Filfatt bejn Frar u Mejju kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 1,550 konvenju kumparat mal-2019. B’kuntrast bejn Ġunju u Novembru kien hemm tkabbir ta’ kważi 1,610 konvenju. 

B’hekk fil-perijodu bejn Ġunju u Novembru saru konvenji li jlaħħqu l-valur komplessiv ta’ €1.8 biljun. Dan huwa l-akbar valur ta’ transazzjonijiet fil-propjeta qatt osservat. Filfatt bejn Ġunju u Novembru tal-2019 kienu saru konvenji ta’ valur ta’ €1.5 biljun, fl-2018 kienu saru €1.7 biljun mentri fl-2017 l-valur kien mess il-€1.5 biljun.

Mentri f’Malta qed jinkisru r-rekords fejn jidħol bejgħ ta’ propjeta fil-bqija tal-Ewropa l-andament huwa eżattament bil-kontra. Fil-“European Property Market Outlook: Q4 2020” l-konsulenti finanzjarji Aberdeen Standard Investments jinnutaw li l-bejgħ ta’ propjeta naqas b’madwar 37% fit-tielet kwart tal-2020, filwaqt li bdiet tiżdied ir-rata ta’ djar vojta. Skont il-Eurostat bħala medja madwar iż-żona ewro kien hemm tnaqqis ta’ 1.5% fil-valur miżjud tas-settur tar-real estate fl-ewwel nofs tal-2020. F’pajjiżi bħal Ċipru t-tnaqqis kien kważi d-doppju ta’ hekk. 

L-andament ħażin tas-suq tal-propjeta wassal biex f’diversi pajjiżi Ewropej ikun hemm ammont qawwi ta’ sensji f’dan is-settur. Skont il-Eurostat sa tmiem Settembru kien hemm 10% anqas jaħdmu fil-bejgħ ta’ propjeta fl-Estonja, u 15% anqas fil-Litwanja. 

B’kuntrast f’Malta s-suq tal-propjeta qiegħed dejjem jissaħħaħ. Dan qed isir mingħajr xi żidiet kbar fl-ammont ta’ self mill-banek. Filfatt mentri bejn Ġunju u Novembru saru konvenji b’valur ta’ €1.8 biljun, is-self tal-banek fuq propjeta kulma żdied kien b’€0.2 biljun. It-titjib fil-finanzi tal-familji Maltin u Għawdxin f’dan il-qasam toħroġ ukoll mill-fatt li mentri f’Ġunju kien hemm €621 miljun f’dejn tal-familji li fuqu kien hemm moratorju, dan issa naqas għal anqas minn €554 miljun. 

Li f’nofs pandemija l-familji li talbu moratorju fuq id-dejn naqqsu t-talbiet tagħhom bi 11%, filwaqt li saru rekord ta’ konvenji ġodda mingħajr żieda kbira fid-dejn huwa l-aqwa konferma li l-qagħda finanzjarja tal-familji f’pajjiżna hija waħda soda ferm. 

Share With: