Qtil doppju f’Tas-Sliema: Kristiansen iżomm fommu sieket mal-Pulizija

It-tielet suspettat fil-qtil doppju f’Tas-Sliema għażel li ma jwieġeb għall-ebda mistoqsija li saritlu mill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni tiegħu. 

Dan ħareġ mix-xhieda tas-Supretendent James Grech fil-kumpilazzjoni li beda għaddej id-Daniż Jesper Kristiansen li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski.

Kristiansen kien inġieb Malta fid-19 ta’ Novembru li għadda wara li kien ilu diversi jiem arrestat fi Spanja wara talba li l-Pulizija Maltija għamlet lil dawk Ewropej.

Il-Pulizija temmen li Kristiansen kien wieħed mit-tliet persuni li fit-18 ta’ Awwissu li għadda allegatament qatlu lil Pandolfino u Maciejowski fid-dar tagħhom fi Triq Locker f’Tas-Sliema. 

Fix-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, is-Supretendent Grech beda biex spjega kif minn filmati tas-sigurtà, il-Pulizija kien irnexxielha tasal għal tliet suspettati.

Huwa qal li mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li fil-ħin li ġew sparati t-tiri, kien hemm żewġ persuni fir-residenza – Daniel Muka u Jesper Kristiansen – filwaqt li Viktor Dragomanski baqa’ fil-karozza li ntużat fid-delitt.

Muka kien insista mal-Pulizija li ma kienx hu li spara u tefa’ l-ħtija fuq it-tnejn l-oħra fejn qal li kienu huma li ħarġu bl-idea. Min-naħa tiegħu, Dragomanski kien qal li Muka u Kristiansen kienu waqqfuh u talbuh imur magħhom fuq biċċa xogħol li iżda ma jafx x’kienet.

Dakinhar li seħħ id-delitt, Dragomanski kien baqa’ fil-karozza u kien wara li nstemgħu t-tiri fir-residenza meta ħareġ għalih Jesper u daħlu flimkien fir-residenza. Qal li x’ħin daħal fir-residenza sema’ liż-żewġ vittmi jieħdu l-aħħar nifsijiet tagħhom u ra lil Muka ħiereġ mill-kamra tas-sodda tal-istess vittmi.

Is-Supretendent Grech żied jgħid li Muka kien tressaq il-Qorti nhar is-27 ta’ Awwissu u Dragomanski kien tressaq l-għada 28 ta’ Awwissu. Il-Pulizija bdiet bit-tfittxija tagħha għat-tielet suspettat, Jesper Kristiansen, iżda meta marru fir-residenza tiegħu fil-Gżira rriżulta li kien ilu li ħareġ minn hemm diversi xhur. 

Il-Pulizija kienet għamlet kuntatt mal-ħabib tiegħu, ċertu Jacobsen, u li dan qalilhom li kien qed joqgħod fir-residenza tat-tfajla tiegħu f’Tas-Sliema. Meta l-Pulizija kellmuha, qaltilhom li Jesper kien telaq minn Malta lejn pajjiż ieħor mhux magħruf fit-28 ta’ Awwissu. 

Irriżulta li Kristiansen kien telaq minn Malta b’titjira lejn Barċellona. Immedjatament inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew u kien arrestat fi Spanja nhar it-30 ta’ Awwissu. Żied jingħad li l-fingerprints ta’ Kristiansen instabu fuq il-bieba tal-vettura li ntużat fid-delitt u fuq waħda min-number plates.

Is-Supretendent Grech tenna wkoll li meta kienu qed jinterrogaw lil Kristiansen, dan għażel li ma jitkellem xejn magħhom.

L-Avukat Stefano Filletti qed jidher għad-Daniż.

Share With: