Ristoranti u lukandi jistennew il-vawċers

Dan wara li d-domanda għar-ristoranti Lejlet il-Milied u f’Jum il-Milied kienet inqas meta mqabbla mal-Milied tas-sena 2019

Minn Maria Azzopardi

Ir-ristoranti u l-lukandi qed jistennew il-vawċers li l-Gvern mistenni joħroġ fil-bidu tas-sena 2021. Hekk stqarr ma’ Inewsmalta l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Tony Zahra. Huwa qal:  “Aħna lkoll qed nistennew li l-vawċers joħorġu f’Jannar.” Żied jgħid li l-introduzzjoni tagħhom l-aħħar darba rat injezzjoni fl-ekonomija.

Huwa qal dan wara li d-domanda għar-ristoranti Lejlet il-Milied u f’Jum il-Milied kienet inqas meta mqabbla mal-Milied tas-sena 2019. Minkejja li Lejliet l-Ewwel tas-Sena u l-Ewwel tas-Sena jistgħu jkunu kemmxejn aħjar meta mqabbla mal-Milied, madankollu d-domanda xorta se tkun inqas u din id-domanda mhux se tkun viċin ta’ dik li kienet fis-snin li għaddew.

Zahra qal li l-pandemija tal-Covid-19 ħalliet l-effetti tagħha fuq in-negozji minn meta laqtet lill-pajjiżna għall-ewwel darba f’Marzu 2020. Żied jgħid li l-biża’ tal-Covid-19 fissret, madanakollu, li n-nies huma aktar attenti meta jiġu biex jiddeċiedu jekk joħorġux jew le. Huwa qal li barra minn hekk, hemm numru ta’ miżuri ta’ prevenzjoni ħabba l-imxija tal-Covid-19, li wħud minnhom jaffettwaw direttament ir-ristoranti, bħal pereżempju li għandhom bżonn iżommu distanzi minimi bejn l-imwejjed.

Zahra qal li Lejliet l-Ewwel tas-Sena u l-Ewwel tas-Sena jistgħu jkunu kemmxejn aħjar meta mqabbla mal-Milied, madankollu qal li d-domanda xorta se tkun inqas u din id-domanda mhux se tkun viċin ta’ dik li kienet fis-snin li għaddew.

Dwar il-lukandi u l-iljieli ibbukjati f’dawn il-postijiet, huwa qal li d-domanda kienet tajba f’Għawdex u f’xi postijiet madwar Malta matul il-Milied, iżda reġa’ saħaq li d-domanda hija waħda “mrażżna”.

Din se tkun it-tieni darba li l-Gvern se jkun qed iniedi sett ta’ vawċers wara li f’Lulju li għadda kienu tqassmu vawċers ta’ €100 lil kull persuna li għandha ‘l fuq minn 16-il sena li €80 minnhom setgħu jiġu kkonsmati f’akkomodazzjoni, bars jew ristoranti. Kien intqal li f’perjodu ta’ tliet xhur, il-proposta tal-vawċers kienet se tinjetta €44 miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna. F’Ottubru mbagħad kien tħabbar li 440,000 persuna rċeviet il-€100 vawċers mogħtija mill-gvern  – €65 miljun aktar fl-ekonomija.

Żgur u mhux forsi li l-vouchers għenu biex in-nies joħorġu u biex in-negozji ma jgħerqux u kienet skema meqjusa ta’ suċċess kbir, tant li fi stħarriġ li kien sar minn Dr Vince Marmara f’Ottubru li għadda rriżulta li 85% tan-nies qalu li l-vawċers għenuhom u lill-ekonomija tal-pajjiż.

F’Awwissu li għadda, f’kummenti li kien ta lil dan il-ġurnal, Zahra kkonferma s-suċċess tal-iskema tal-vawċers mill-Gvern biex tkun riġenerata l-ekonomija u faħħar din l-inizjattiva fejn sostna li din wasslet għal aktar negozju minn dak li kien oriġinarjament mistenni.

Share With: