“Sam Sammut ma ngħatax tislima fl-awards mhux b’nuqqas ta’ rispett iżda bi żvista… it-tislima se tingħata is-sena d-dieħla”

Fl-aħħar ġimgħat f’dan il-ġurnal dehru ittri iffirmati minn ‘Ħamruniż’, li fihom issemma’ l-ġurnalist veteran Sam Sammut, li ħalla din id-dinja f’Awwissu li għadda meta kien għadu jikkontribwixxi għal L-ORIZZONT u  IT-TORĊA. L-ittri kienu qed iqajmu l-punt u jistaqsu għaliex Sam Sammut ma ngħatax it-tislima fl-awards ġurnalisti li saru ftit ġimgħat ilu.

Dwar dak li tqajjem f’dawn l-ittri wieġeb l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM). Huma kkonfermaw li kuntrarju għal kif sar fis-snin preċedenti meta ġew nieqsa ġurnalisti, Sam Sammut ma’ ngħatax it-tislima fl-awards. L-Istitut enfasizza li dan ma sarx b’nuqqas ta’ rispett imma bi żvista. Saħaq li t-tislima se tingħata fl-awards tas-sena li ġejja. 

L-ittra li inkitbet mis-Segretarju Ġenerali, Nigel Mifsud tgħid li “nirreferi għall-ittra li intbgħatet lill-editur ta’ dan il-ġurnal dwar il-fatt li l-ġurnalist veteran Sammy Sammut ma ngħatax tislima waqt iċ-ċerimonja finali tal-Malta Journalism Awards. L-Istitut tal-Ġurnalisti għandu rispett kbir lejn is-Sur Sammut u l-karriera twila ġurnalistika tiegħu. Filfatt, l-IĠM kien minn tal-ewwel li malli tħabbret l-aħbar tal-mewt tiegħu, ħareġ stqarrija biex isellem lis-Sur Sammut, kif xieraq, wara l-kontribut li ta fil-qasam tal-ġurnalizmu.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-IĠM, Nigel Mifsud qalilna ukoll li “din is-sena l-unuri tal-ġurnalizmu għaddew minn tibdil kbir fl-organizzazzjoni tagħhom, u bdew jiġu organizzati minn Kummissjoni li twaqqfet apposta f’Lulju li għadda biex minkejja l-isfidi tal-pandemija, l-aqwa xogħol ġurnalistiku matul l-2019 xorta jingħata r-rikonoxximent li jixraqlu. Dan filfatt sar ferm aktar tard mis-soltu minħabba iċ-ċirkostanzi. Huwa minnu li fl-aħħar edizzjonijiet tal-unuri, ġurnalisti jew eks ġurnalisti li kellhom karriera twila fil-qasam, issemmew waqt iċ-ċerimonja tal-unuri. Din is-sena dan ma sarx u dan mhux b’nuqqas ta’ rispett iżda bi żvista fil-preparazzjoni tal-iscript.”

Enfasizza li “fid-dawl ta’ dan, waqt iċ-ċerimonja li se tkun organizzata is-sena id-dieħla, li tirrikonoxxi ix-xogħol tal-2020, il-Kummissjoni se tieħu ħsieb tagħti tislima lis-Sur Sammut kif inhu xieraq. F’isem il-Kummissjoni li torganizza l-unuri tal-ġurnalizmu, nirringrazzja lill-persuna li bagħat l-ittra talli ġibed l-attenzjoni, u nsellmu mill-ġdid lis-Sur Sammut li għadna nħossu il-vojt tiegħu fil-familja ġurnalistika sal-lum.”

Share With: