Sitt oqsma importanti mistennija jibbenefikaw mill-Intelliġenza Artifiċjali

 L-Intelliġenza Artifiċjali kapaċi ġġib bidla fl-istruttura tradizzjonali li mdorrijin biha. L-istess teknoloġija għandha l-potenzjal li tagħmel lill-gvern iktar effiċjenti, u b’hekk ikun hemm titjib fix-xogħol intern u l-governanza, u għaldaqstant użu aħjar ta’ flus il-poplu. 

Ħidma li saret mill-Malta.AI Taskforce flimkien mal-amministrazzjoni pubblika identifikat sitt proġetti pilota li għandhom isiru u jkunu implimentati fis-settur pubbliku bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali. 

Dawn il-proġetti mistennija li jħallu impatt pożittiv fis-soċjetà u se jkollhom irwol kruċjali sabiex titkabbar il-viżibiltà tal-benefiċċji tanġibbli li l-Intelliġenza Artifiċjali kapaċi toffri. 

L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali ġiet inkarigata li tassigura li kull proġett pilota jiġi implimentat mill-entità kkonċernata, hekk kif is-sitt proġetti pilota jiffukaw fuq sitt oqsma differenti. Fil-fatt, il-ħidma diġà bdiet hekk kif għaddejjin diversi diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. 

L-ewwel proġett pilota huwa dak relatat mal-immaniġjar tat-traffiku. L-iskop huwa li jkun esplorat kif l-Intelliġenza Artifiċjali tkun inkorporata fis-sistemi Maltin li jikkontrollaw it-traffiku u dawk tal-informazzjoni ġeografika. 

Dan sabiex jitnaqqsu l-konġestjoni u l-emmissjonijiet, ikun provdut għarfien sabiex ikun hemm pjanar u skedar aħjar tat-trasport pubbliku filwaqt li jkun hemm assistenza fil-monitoraġġ u infurzar. 

Qasam ieħor li se jkun indirizzat huwa l-edukazzjoni. Qed ikun maħsub li l-Intelliġenza Artifiċjali se tgħin lill-amministraturi u l-edukaturi jipprovdu esperjenzi ta’ tagħlim individwali u adattabbli għall-istudenti, filwaqt li jkunu mbassra xejriet analitiċi sabiex ikunu jistgħu jsiru deċiżjonijiet iktar informati u jinħarġu policies iktar relevanti biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija edukattiva. 

L-ewwel parti tal-proġett propost hija proġett pilota li jiżviluppa sistema adattabbli mħadma mill-Intelliġenza Artifiċjali li tgħin lill-istudenti jiksbu riżultati aħjar permezz ta’ programmi personalizzati skont il-ħiliet, l-ambizzjonijiet u l-ħtieġa tal-istudent. Dan il-proġett se jgħin ukoll lill-għalliema biex jibnu assessjar iktar formattiv tal-ħiliet tal-istudenti. 

It-tieni parti se twassal għal bini ta’ rich data set u l-Intelliġenza Artifiċjali tintuża sabiex tassisti fit-titjib tas-sistema edukattiva. Il-proġett se joffri data li tidentifika early school-leavers u b’hekk l-għalliema jkunu jistgħu jieħdu azzjonijiet preventivi sabiex ikun hemm riżultati aħjar. 

Is-saħħa hija indirizzata wkoll f’din l-Istrateġija, hekk kif il-viżjoni ta’ Malta hija li fil-futur, l-Intelliġenza Artifiċjali tipprevjeni l-mard fil-popolazzjoni, ittejjeb il-kura għall-pazjenti b’kundizzjonijiet kroniċi, tiżviluppa u tapplika terapiji għal mard kumpless u ssaħħaħ ir-riċerka bijomediċinali. 

Fil-lenti ta’ dan il-proġett pilota hemm l-iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek, fejn se jkun esplorat kif l-applikabbiltà tal-Intelliġenza Artifiċjali tista tgħin lil dawk li jagħmlu użu minnha biex jagħmlu deċiżjonijiet iktar informati, issir analiżi biex ikun hemm inqas ħela ta’ flus fil-procurement u jkun hemm mudelli ta’ kura preventiva sabiex ikun hemm titjib fir-riżultati relatati mas-saħħa. 

Il-qasam tas-saħħa huwa mimli data u dan jagħmlu interessanti ferm għall-Intelliġenza Artifiċjali. Fil-fatt, hemm iktar minn 140,000 pazjent fuq l-iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek. Il-Ministeru għas- Saħħa qiegħed iħejji l-pedamenti tekniċi, semantiċi u legali sabiex id-data tkun miġbura, maħżuna u tkun disponibbli għal konsum b’mod strutturat u sigur bl-implimentazzjoni tas-sistema National  Electronic Health Record.

Il-pjattaforma servizz. gov hija maħsuba wkoll biex tibbenefika mill-Intelliġenza Artifiċjali. Din il-pjattaforma hija l-punt ċentrali tal-informazzjoni għas-servizzi governattivi, fejn iċ-ċittadini jagħmlu użu minnha b’diversi mezzi, fosthom email u telephone. L-aġenti ta’ servizz. gov jirreferu għal katalgu tas-servizzi u riżorsi oħra online sabiex jiġbru l-informazzjoni u joffru r-risposta. 

Bla dubju li l-ipproċessar tat-talbiet b’mod effiċjenti u preċiż huwa ta’ importanza kbira. Il-proġett pilota se jesplora kif l-Intelliġenza Artifiċjali applikata f’servizz. gov tista’ twassal għal titjib fis-servizz. Il-proġett se jkun maqsum f’diversi fażijiet, bl-ewwel ħidma tiffoka fuq il-back office. Ġaladarba l-bażi tkun b’saħħitha biżżejjed u qed topera b’mod korrett, dejjem taħt is-superviżjoni ta’ persuna umana li l-aħħar kelma tkun tagħha, issir it-tieni parti tal-proġett pilota, li tikkonsisti minn ħolqien ta’ chatbot li jiggwida liċ-ċittadini fejn għandhom isibu l-informazzjoni meħtieġa. Dan il-proġett jista wkoll ikun imwessa’ u jinkludi assistenza bil-vuċi u servizzi ta’ traduzzjoni awtomatika. 

Il-ħames proġett pilota huwa marbut mat-turiżmu, fejn l-Intelliġenza Artifiċjali tkun inkorporata fid-Digital Tourism Platform sabiex jinħolqu dawk imsejħa tourist personas, li jagħqdu flimkien karatteristiċi psikoloġiċi, bħal gosti u għażliet tal-ħajja, flimkien ma’ data demografika. Hekk kif tinġabar iktar data, il-machine learning se tgħin lill-pjattaforma toħloq personas iktar reali. 

Permezz ta’ din l-informazzjoni, id-Digital Tourism Platform tkun kapaċi tissuġġerixxi esperjenzi għat-turisti skont il-gosti tagħhom; xi ħaġa li hija simili għar-rakkomandazzjonijiet użati minn servizzi ta’ streaming tal-mużika u tat-televiżjoni. Apparti minn hekk, permezz tal-analiżi jinħolqu mudelli bit-tendenzi tal-persuni sabiex ikun imbassar fejn se jmur turist u x’biljett se jixtri, u dik l-informazzjoni tintuża biex isiru suġġerimenti fi ħdan l-app. 

L-aħħar proġett pilota jindirizza l-qasam tal-utilitajiet; qasam li jista’ jibbenefika ħafna bl-introduzzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali. Din it-teknoloġija tista’ tintuża biex proċessi manwali jinbidlu f’dawk awtomatiċi, ikun possibli l-interpretazzjoni tad-data li tkun inġabret, tiffaċilita d-distribuzzjoni skont id-domanda u l-provista u ttejjeb il-manutenzjoni u l-prestazzjoni. 

Il-proġett pilota f’dan il-qasam se jara li algorithms tal-Intelliġenza Artifiċjali jiġbru u janalizzaw data kurrenti sabiex ikun hemm informazzjoni utli relatata mal-użu tal-ilma u l-enerġija. Is-soluzzjoni twassal għal analiżi fuq skala kbira u machine learning fuq id-data tal-konsumatur sabiex il-kumpaniji tal-utiliatjiet ikunu megħjuna jimmassimizzaw ir-riżorsi u jipprovdu servizz lill-konsumatur mill-iktar fiss. 

Dan filwaqt li jkunu żviluppati mudelli predikattivi ta’ manutenzjoni, fejn data minn diversi sorsi tintuża biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jidentifikaw problemi qabel ma jseħħu, u b’hekk jonqos il-bżonn ta’ spezzjonijiet manwali.

Share With: