Studenta tal-MCAST taqbad anzjana żżomm flus mit-tombla

Mara ta’ 70 sena minn Ħaż-Żebbuġ instabet ħatja li żammet għaliha flus mit-tombla li kienet tiġi organizzata fid-‘day care’ ta’ Ħad-Dingli f’każ li l-Pulizija bdiet tinvestigah grazzi għall-interess li ħadet studenta tal-MCAST.

Philippa Borg kienet mixlija mill-Ispettur Christabelle Chetcuti li fis-17 ta’ Diċembru 2008, u fix-xhur u snin ta’ qabel, żammet għaliha flus tad-Dingli Day Centre mmexxi mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità kif ukoll li bħala uffiċjal pubbliku għamlet użu ħażin minn flejjes tal-Gvern jew tal-privat.

Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia rriżulta li Borg kienet impjegata bħala ‘part-time social assistant’ mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u kienet l-Officer in Charge fl-imsemmi ċentru.

Iċ-ċentru kien ikun miftuħ għall-anzjani kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa u fost l-attivitajiet li kien jorganizza kien hemm it-tombla fejn Borg kienet responsabbli mill-bejgħ tal-biljetti tat-tombla.

Wara t-tombla, li għaliha rċevuti tal-biljetti ma kienux jingħataw, kienet tintela karta bl-ammont tal-flus li ċ-ċentru jkun daħħal u l-flus li jkun ħareġ f’rebħ.

L-attendenza fiċ-ċentru kienet ta’ bejn 25 u 30 anzjan bil-flus li kien idaħħal iċ-ċentru kienu jintużaw biex ikopru l-ispejjeż tiegħu.

Bejn Ottubru u Novembru 2008 fiċ-ċentru kien hemm taħdem, bħala parti mill-istudji tagħha, l-istudenta tal-MCAST Charlene Calleja u din irrappurtat lill-lekċerers tagħha li kienet osservat diversi irregolaritajiet fiċ-ċentru fosthom li Borg kienet qed tiddikajra madwar €10 inqas minn dak li kien qed jidħol fil-bejgħ tat-tombla.

Il-lekċerers infurmaw lid-Direttur tal-MCAST Dorothy Meli u din qalet lid-Direttur fid-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunità Dr Stephanie Xuereb li min-naha għamlet rapport mal-Pulizija.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga fejn iż-żewġ assistenti ta’ Borg, Patricia Owen u Josette Cutajar, ukoll allegaw li l-akkużata kienet tiddikjara ammon inqas ta’ flus minn dak li kien idaħħal iċ-ċentru u biex dan ma jiġix innutat kienet tiġbor il-flus tal-bejgħ tal-biljetti ġo żewġ skutelli tal-butir u tpoġġihom fuq xulxin ħalli ma jidhrux ħafna flus f’dik ta’ fuq.

Dr Xuereb anke għaddiet lill-Pulizja tliet rapport oħra li saru minn Mariosa Calafato, li dak iż-żmien kienet tmexxi ċ-ċentru, u Patricia Owen, Elsie Cassar u Josette Cutajar li kienu jaħdmu wkoll fih kif ukoll Jacqueline Azzopardi li kienet kunsilliera fil-lokal.

Fil-kawża ssejħu biex jixhdu dawk li kienu involuti fir-rapport, inkluż ħaddiema fiċ-ċentru, bl-akkużata tgħid li omm l-istudenta li għamlet ir-rapport kienet voluntiera fiċ-ċentru u kienu jillatikaw ħafna bejniethom minħabba li kienu jżommu ma’ partiti politiċ opposti.

Madankollu l-Maġistrat Farrugia ikkonkludiet li din l-allegazzjoni ta’ Borg ma ġietx pruvata u sostniet li l-provi li tressqu irriżulta li hija ħadet flus mill-bejgħ tat-tombla għalkemm ma rriżultax l-ammont eżatt.

Hija għalhekk sabitha ħatja li żammet għaliha flus li ma kienux tagħha u ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin kif ukoll ordnat l-interdizzjoni ġenerali perpetwa tagħha.

Share With: