Tkompli l-mixja lejn ekonomija ċirkolari b’investiment minn fondi Ewropej f’faċilità ġdida f’Ħal Far

WasteServ tkompli tinvesti sabiex tnaqqas l-iskart li jintbagħat fil-landfills ħalli jkun jista’ jiġi riċiklat  bħala parti minn ekonomija ċirkulari hekk kif bħalissa għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ faċilità  ġdida b’investiment ta’ ’l fuq minn €20 miljun, li minnhom €16.9 miljun ġew iffinanzjati b’fondi  Ewropej. 

Din il-faċilità ġdida se tibda tirċievi skart goff bħal tajers, injam, saqqijiet u ħġieġ ċatt kif ukoll skart  ta’ tagħmir elettroniku. L-iskart se jiġi trattat ħalli jitnaqqaslu l-volum biex ikun jista’ jiġi storjat u  jieħu l-inqas spazju possibbli qabel dan jiġi esportat biex ikun jista’ jiġi riċiklat jew inkella użat biex  minnu tiġi rkuprata l-enerġija. 

Dan ħabbruh il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u s-Segretarju  Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi li flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal WasteServ Richard Bilocca żaru l-xogħlijiet li għaddejjin sabiex tinbena din il-faċilità f’Ħal Far. 

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan huwa pass ieħor li qed jieħu dan il-gvern bħala parti mill istrateġija tiegħu biex il-pajjiż jimxi lejn ekonomija ċirkolari, bi prattiċi sostenibbli u bogħod mill miżbliet f’pajjiżna. Il-ministru spjega li din il-faċilità se tkun qed tipproċessa madwar 10,000 tunellata  skart fis-sena. Huwa għalhekk li dan il-proġett ħa jkun qed iwassal għal titjib fl-effiċjenza tal-ġestjoni  tal-iskart peress li ħa nkunu qed niffrankaw l-ispazju mil-landfill, inżidu r-rata ta’ riċiklaġġ tal-pajjiż kif ukoll intejbu l-performance ambjentali. 

“L-ekonomija tal-futur hija dik ċirkolari u sostenibbli. Jeħtieġ li nżommu bilanċ mal-ambjent tagħna  sabiex innaqqsu l-vulnerabbiltajiet tagħna. Bi produzzjoni u b’konsum ċirkolari kapaċi noħolqu  ekonomija b’saħħitha u reżiljenti. Fl-istess waqt, irridu nagħtu spinta lit-tranżizzjoni ekoloġika  f’pajjiżna, u x-xogħol li għaddej fl-infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart huwa parti mill-pjan  tagħna għal dan l-għan”, qal il-Ministru Farrugia. 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li b’investiment ta’ €16.9 miljun b’fondi  Ewropej il-Multi-Material Recovery Facility se tkun qed tgħin biex ikun hemm immaniġġjar aħjar  tal-iskart. Hu spjega li din il-faċilità se tkun qed tilqa’ skart li jvarja minn injam, saqqijiet, ħġieġ,  gypsum u tyres li sal-2029 huma maħsuba li jammontaw għal 20,000 tunellata ta’ skart. Żied li  permezz ta’ fondi Ewropej qed insaħħu l-ekonomija ċirkolari li tagħti prijorità lill-ambjent.

Ikkonkluda li permezz ta’ din il-faċilità se jkunu qed jintlaħqu l-miri ambjentali biex inżidu r riċiklaġġ u nnaqqsu l-użu tal-landfills filwaqt li ma nħallu l-ebda impatt negattiv fiż-żoni tal-madwar. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca qal li l-materjal kollu li ħa jkun qed jidħol f’din il faċilità se jkun proċessat f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet neċessarji ħalli nżidu l-valur tal materjal u niżguraw li dan ikun jista’ jiġi esportat b’mod effiċjenti u bi profitt. 

Iċ-Chairperson tal-WasteServ il-Professur Frank Bezzina qal li filwaqt li dan il-proġett se jgħin biex  titnaqqas id-dipendenza fuq il-landfills u jipprovdi valur monetarju aħjar għall-materjal li qed jiġi  riċiklat, aħna lkoll għandna nagħmlu ħilitna biex innaqqsu l-iskart iġġenerat fid-djar tagħna, fl-uffiċċji u fil-fabbriki. 

Dan il-proġett ħa jkun qed jitlesta f’Novembru tal-2021 u qed jiġi parzjalment iffinanzjat mill-Fond  ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

Share With: