Turiżmu f’Għawdex: żieda fil-Maltin ma tpattix għat-telf tal-barranin

Is-CEO tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu Joe Muscat jgħid li t-tama hija fl-2022

Għalkemm in-numru ta’ Maltin li telgħu għal vaganza f’Għawdex din is-sena żdied meta mqabbel mas-sena preċedenti dan ma taffix it-telf li l-gżira ġarrbet mit-tnaqqis fin-numru ta’ barranin li żaruha.

Hekk qalilna l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat meta kien ikkuntattjat minn Inewsmalta biex jara s-sitwazzjoni tat-turiżmu fil-gżira f’dawn il-jiem ta’ festi.

Muscat spjega kif in-numru ta’ Maltin li telgħu Għawdex fl-ewwel disa’ xhur tas-sena kien madwar 25% aktar mis-sena ta’ qabel madankollu t-turisti barranin naqsu bi 80%.

Għalkemm l-ammont ta’ Maltin li jżuru Għawdex fil-jiem tal-Ewwel tas-Sena mistenni jkompli jiżdied, u jaf itella ż-żieda sa 30%, dan mhux se jkun biżżejjed biex jagħmel tajjeb għat-telf li ġarrbet l-industrija minħabba l-pandemija.

Muscat irrimarkalna li minbarra n-numru ta’ turisti li jitilgħu wieħed irid iħares ukoll lejn l-ammont ta’ ġranet li jqattgħu hekk kif waqt li soltu l-Maltin iqattgħu madwar jumejn il-barranin idumu medja ta’ ħamest ijiem u għalhekk naqsu l-jiem li dawk li jżuru lil Għawdex għamlu fiha.

Hawnhekk Muscat osserva li għalkemm żdiedu l-Maltin li minħabba li għal raġuni jew oħra ma siefrux barra għażlu li jitilgħu Għawdex xorta baqgħet it-tendenza li jmorru iktar għal ‘weekend breaks’ anke jekk b’mod ġenerali l-Maltin jonfqu iktar mill-barranin.

Mistoqsi dwar l-attività ekonomika f’Għawdex fi żmien il-Milied huwa irrimarka li kien hemm numru ta’ Maltin li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer b’uħud jagħżlu li joqgħodu f’postijiet ta’ akkomodazzjoni tagħhom u oħrajn li qagħdu f’lukanda jew krew xi post bħal ‘farmhouse’.

Għalkemm dan ma kienx fuq il-livelli tas-soltu, il-Kap Eżekuttiv tal-GTA sostna li qed jistnnew li jkun hemm żieda fil-jiem tal-Ewwel tas-Sena anke għall-fatt li din ġiet il-Ġimgħa u għalhekk ikun hemm min iddeċieda li jqatta’ tmiem il-ġimgħa itwal.

Dwar il-biżgħa li jkun hawn aktar taħlit ta’ nies fil-‘farmhouses’, Muscat beda biex qalilna li l-maġġoranza tas-sidien huma nies diliġenti li wkoll għandhom it-tħassib tagħhom.

Huwa semma kif il-proprjetarji wkoll iridu jidħlu u jnaddfu wara l-aħħar grupp li jkun ħalla l-post u għandhom il-ħaddiema. Dan ifisser li anke huma konxji dwar il-perikli li jistgħu jeżistu.

Fl-istess waqt li għamilha ċara li m’għandux ikun hemm min iħares lejn dan biss bħala opportunità biex jagħmel il-flus, Muscat insista li l-proprjetarji qed jaraw li fejn possibbli jimx mal-protokolli li għamlu l-awtoritajiet.

Huwa sostna wkoll li fl-istess ħin il-proprjetarji ma setgħux jikkontrollaw is-sitwazzjoni għax m’għandhomx garanzija li grupp li jkun f’post mhux se jiltaqa’ ma’ ieħor li jkun f’xi ‘farmhouse’ jew dar oħra.

Kien għalhekk li huwa appella lil dawk li telgħin Għawdex biex ikunu responsabbli u jimxu mal-miżuri għax il-virus mhux se jagħmel differenza bejn Malta u Għawdex jew bejn turist u resident.

Dwar it-tbassir għas-sena l-ġdida Muscat qal li l-istabbilimenti turistiċi f’Għawdex jinsabu ħerqana li s-sitwazzjoni titjieb wara sena li fiha sofrew telf finanzjarju kbir anke għax ħafna minnhom għamlu sforzi kbar biex iżommu l-ħaddiema.

Fl-istess waqt qal li hemm diversi fatturi x’jiġu ikkunsiderati fosthom li l-ewwel il-vaċċin irid jingħata lill-maġġoranza tan-nies u anke skont xi tkun is-sitwazzjoni barra għax inutli nkunu ‘safe’ hawn jekk pajjiżi oħra le.

Is-sitwazzjoni ekonomika wkoll se tkun vitali għax jiddependi minn kif tkun barra hekk kif il-fatt li l-ekonomiji f’diversi pajjiżi sejrin ħażin u hemm min tilef xogħlu jew kellu tnaqqis fil-paga wkoll se jaffettwa.

Muscat sostna li kollox ma’ kollox huwa qed jara s-sena 2021 bħala waħda li se tkun dik li bil-mod il-mod is-sitwazzjoni tibda titjieb u żgur mhux se tkun ħażina daqs dik attwali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA żied li b’mod realistiku jara s-sena 2022 bħala dik li possibilment se tara s-sitwazzjoni turistika f’Għawdex tkun fuq l-istess livelli tajbin li rat matul l-2018 u l-2019.

Share With: