‘Xjenza Festiva’ fl-Esplora

Mifrux fuq numru ta’ binjiet u żoni fuq barra b’veduti spettakolari tal-Port il-Kbir, Esplora inawgura l-kalendarju tal-attivitajiet ghal żmien il-Milied. Spettakli mill-isbaħ u attivitajiet meraviljużi ideali għall-familja kollha!

Bħala Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora għandu r-risponsabbilità li jilħaq aktar nies speċjalment dawk li jaħsbu li x-xjenza mhix addattata għalihom. Sa issa l-udjenza tal-Esplora, inkluż l-adulti, żdiedet filwaqt li l-mizuri kollha marbuta mal-COVID-19 ġew mittieħda u mħarsa. Esplora sar aktar inklussiv permezz ta’ inizjattivi bħalma huma l-Autism Friendly Hours li se jkunu qed jiġu offruti nhar il-Ħadd li ġej 20 ta’ Diċembru bejn id-9: u nofsinhar.

Il-programm mħejji għal waqt żmien il-festi jagħti l-opportunità li l-vizitaturi jgħaqqdu l-ħiliet artistiċi tagħhom ma’ dawk tekniċi sabiex joħloqu diversi oġġetti relatati mal-Milied.  L-attivitajiet esplorattivi u divertenti huma turija li l-maġija tal-Milied u x-xjenza mhumhiex daqshekk differenti minn xulxin. It-tfal li għandhom 15 -il sena jew inqas se jidħlu b’xejn meta jżuru l-Esplora f’Diċembu u Jannar.

Esplora se jibda jkun miftuħ kull nhar ta’ Ġimgha wara nofsinhar u filgħaxija. Nhar, il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru il-viżitaturi jistgħu jżuru l-Esplora filgħaxija biex jirrilassaw flimkien mal-familja waqt lejla tal-Jazz minn Adrian ir-Russu fuq it-Trumbetta u Marc Galea fuq il-kitarra. L-EsploraCafé se jkun qed iservi menu speċjali tal-Milied u kull adult ser jingħata tazza imbuljuta b’xejn.

Bħal dejjem, il-viżitatur jista’ jipparteċipa f’workshop, bħal per eżempju Light Up Your Christmas (Età: 4+),  fejn dak li jkun jista’ jipprova joħloq id-dekorazzjonijiet tas-siġra tal-Milied tiegħu stess, joħloq kartolina u jagħmlilha d-dawl. F’ A Snowflake Station (Età: 4+) imbagħad tintuża l-matematika biex tinħoloq dekorazzjoni tal-Milied.

Barra minn hekk, il-viżitatur jista’ jara xow tax-xjenza li l-Esplora tant huwa magħruf għalihom. Fi 12 Days Of Christmas (Età: 5+) Esplora jagħti xeħta xjentifika lil din il-kanzunetta tassew popolari tal-Milied. Dak li jkun jista’ jistenna spettaklu mimli kuluri, mużika, u esibizzjonijiet mill-isbaħ.

Electrobuzz! (Età: 8+) huwa spettaklu tax-xjenza li se jgħin lill-udjenza tesplora l-għeġubijiet tal-elettriku. L-elettriku jagħmel vjaġġ inkredibbli sakemm jilħaq id-djar tagħna, u f’dan ix-xow il-viżitatur jara kif jista’ jirnexxielu jisfrutta l-elettriku naturali, jitgħallem x’inhu ċirkiwt u kif jista’ jiġi ġġenerat l-elettriku.

Il-Planetarium huwa meravilja minnu nnifsu. Wonders Of The Night Sky: Christmas Edition (Età: 3+) huwa spettaklu ieħor mill-isbaħ fejn il-viżitatur isir jaf x’qed jagħmlu l-astronawti fuq l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali  L-udjenza tivvjaġġa bil-lejl u tara kif tidher is-sema f’lejlet il-Milied! 

Fl-aħħar u mhux l-anqas, inħoloq kalendarju tal-Avvent tal-Milied b’laqta xjentifika. Dan il-kalendarju fih diversi attivitajiet fantastiċi li jagħtu lok biex kemm it-tfal, kif ukoll l-adulti, jużaw l-immaġinazzjoni tagħhom. It-tfal qed jiġu mħeġġa jieħdu ritratti tal-kreazzjoni tagħhom u jinżammu għaliex fil-25 ta’ Diċembru hemm abbinat rigal speċjali. Il-kalendarju jista’ jitniżżel minn http://esplora.org.mt/christmas-science-advent-calendar/.

Waqt it-tnedija ta’ dawn l-inizjattivi ppreparati mill-Esplora għal dan iż-żmien ta’ festi, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, spjega kif fl-Esplora x-xjenza tingħata xejra differenti hekk kif tiġi marbuta ma’ tradizzjonijiet kulturali. Qal li “ir-raġuni ewlenija li l-Esplora tinvesti f’attivitajiet bħal dawn hu li nqanqlu l-kurżita’. Dan jgħinna sabiex l-għarfien fix-xjenza nagħmluh interessanti u relevanti ghall-pubbliku li jżurna.”

L-Onorevoli Owen Bonnici, Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-iStrateġija wara COVID-19  saħaq li “hu kruċjali li nressqu lit-tfal lejn ix-xjenzi b’mod divertenti u sabiħ u sostna li dawn l-attivitajiet jibnu rabta sabiħa bejn il-ġenerazzjonijiet li telgħin u dan is-settur importanti għas-suċċess ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.” Huwa qal li “l-ikbar ringrazzjament għandu jmur lejn it-tmexxija u l-ħaddiema kollha t’Esplora għall-ħidma eċċellenti li jwettqu.”

Għall-iskeda ta’ kull ġimgħa wieħed jista’ jidħol hawn: http://esplora.org.mt/week-schedule

Il-ħinijiet jinstabu hawnhekk: https://esplora.org.mt/opening-hours/

Share With: