Żewġt irġiel arrestati b’rabta ma’ droga

Wara diversi ġimgħat t’osservazzjoni, aktar kmieni llum, il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d Droga assistiti mill-Pulizija tal-iSpecial Intervention Unit (SIU) u tar-Rapid Intervention Unit (RIU), wettqu operazzjoni kontra t-traffikar tad-droga fi Triq Melita, Raħal Ġdid. 

Fl-imsemmija triq, il-pulizija interċettataw vettura li kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 40 sena residenti l-Ħamrun u passiġġier miegħu, kien hemm ukoll raġel ta’ 29 sena residenti  Raħal Ġdid. Minn tfittxija li saret fil-vettura u fuqhom, instabu madwar 2 Kilogrammi sustanza  suspettata droga kokaina, ċwievet ta’ karozzi u iżjed minn €8,500 fi flus kontanti. 

Il-ħidma tkompliet f’residenza fi Triq Melita u f’garaxx fi Triq Sant’Ubaldeska Raħal Ġdid,  propjetà tar-raġel ta’ 29 sena. Fid-dar instabu sustanzi suspettati kokaina u ħaxixa, madwar  €100,000 f’deheb u ġojjellerija, u madwar €78,000 fi flus kontanti, filwaqt li minn ġol-garaxx, il-pulizija kkonfiskaw Range Rover Sports u Mercedes E63, li l-valur tagħhom jammonta  madwar €250,000. 

Il-pulizija għamlu wkoll tfittxija f’garaxx fi Triq il-Qaddiefa l-Marsa, propjetà tar-raġel ta’ 40  sena, u nstabu madwar 3.5 Kilogrammi ta’ sustanza suspetatta kokaina. 

Il-valur fit-triq li kieku din id-droga kollha nbiegħet, kienet tlaħħaq €350,000. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. 

L-irġiel qed jinżammu arrestati fil-Kwartieri Ġeneral tal-Pulizija, il-Floriana, u mistennija  jitressqu l-Qorti taħt arrest għada b’akkużi relatati ma’ pussess u traffikar tad-droga u b’ħasil  tal-flus.  

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. 

Share With: